top bar

Friday, 23 June 2017

Din it-tfajla kienet qed tmut waqt li twieldet, salvat, u wara 14-il sena bilqiegħda fuq siġġu, bdiet timxi


Din hija l-istorja ta' tfajla 

li twieldet xahrejn qabel iż-żmien,
li twieldet tewmija ma' oħtha meta ommha kien mingħaliha li se jkollha lil oħtha biss, 
li kienet qed tmut waqt li twieldet, 
li salvat imma għamlet 14-il sena ma timxix,
u li ftit tal-ġimgħat ilu għamlet l-ewwel passi u qed tgħix ħajja indipendenti. 

Din hija l-istorja ta' Jeanesse Abela.
Jeanesse twieldet b'kundizzjoni li jgħidulha cerebral palsy. Hija kundizzjoni newroloġika li tikkrea problemi fil-muskoli u nuqqas ta' kordinament tal-idejn u s-saqajn.

Jeanesse u oħtha t-tewmija twieldu meta kienu ilhom biss seba' xhur fil-ġuf ta' ommhom, u ommhom ma kinitx taf li se jkollhom tewmin. Kienet qed tistenna lil oħtha biss. Jeanesse tirrakkontalna li hija u titwieled kienet diġà qed tmut.

"Jiena u nitwieled kont qed immut u jien u oħti għamilna tliet xhur l-isptar fl-inkubatur u rnexxielna nsalvaw u ngħixu," qaltilna Jeanesse.

Oħt Jeanesse ma twelditx b'din il-kundizzjoni, u ommha minn kmieni kienet bdiet tinduna li ż-żewġt aħwa huma differenti.

"Ta' 5 xhur oħti kienet diġà tpoġġi bilqiegħda, u jiena ma kontx naf kif," tirrakkonta Jeanesse. "Imbagħad ħaduni għand diversi speċjalisti u hemmhekk skoprew li għandi cerebral palsy."

Jeanesse meta kienet żgħira
Grazzi għat-terapija li ħadet, ta' 3 snin irnexxielha tagħmel progress kbir. Kienet tmur skola speċjali u tgħallmet tagħmel affarijiet bażiċi, bħal timxi fuq idejha u saqajha, tpoġġi bilqiegħda u tilgħab bit-toys...u dan huwa progress kbir għal xi ħadd li jbati minn kundizzjoni bħal din.

Grazzi għall-familja tagħha u għall-iskola, Jeanesse baqgħet timxi ’l quddiem, minkejja li fil-każ tagħha, kollox kien jieħu aktar żmien biex titgħallmu. "Pereżempju, l-ewwel kelma għedtha ta' 4 snin," qaltilna.


Jeanesse waslet fejn waslet illum kollu grazzi għad-determinazzjoni tal-għaġeb li għandha. Għaliex xejn ma kienet faċli li tasal sa hawn. Irrakkontatilna li f'ħajjitha ltaqgħet ma' ħafna nies li injorawha jew ma emmnux fiha għax ħasbu li hija inkapaċi.

"L-iskola stess kont niġi bbulijata saħansitra minn uħud mill-għalliema. Xi wħud minnhom kienu jinjorawni meta nistaqsi mistoqsija u kienu jevitaw li jinvolvuni fil-lezzjonijiet tagħhom," tgħidilna. U tkompli: "ma kinitx faċli għalija li ta' età żgħira nifhem li tfajliet oħra tampari jagħmlu xi affarijiet li jiena ma nistax. Kienet tweġġagħni ħafna, imma maż-żmien irrealizzajt li ħajti hekk hi u rrid ngħixha ġurnata b'ġurnata."

Jeanesse għandha problema wkoll fil-ħajja tal-imħabba. "Hija diffiċli biex insib ġuvni li jaċċettani kif jien u li jifhimni. Xi ġuvintur donnhom jibżgħu jkellmuni, uħud nogħġobhom bħala ħabiba biss, għax jibżgħu jippruvaw jew jibżgħu li jiġu ġġudikati minn nies oħra."


Imma minkejja kollox, id-determinazzjoni ta' Jeanesse wasslitha biex wara 14-il sena bla ma timxi wara li kellha slip disc ta' 27 sena, ftit xhur ilu għamlet l-ewwel passi wara operazzjoni li għamlilha l-kirurgu Ludvig Zrinzo.

Jeanesse tispjegalna wkoll li għamlet diversi avventuri fosthom iż-zip lining, l-abseiling kif ukoll il-wall climbing.



Barra minn hekk, 15-il sena ilu, Jeanesse waqqfet grupp għal dawk li jinsabu fl-istess sitwazzjoni tagħha. Il-grupp jismu L.A.N.D. (Living Ability Not Disability). L-għan tal-grupp huwa li jippromwovi l-inklużjoni, l-assistenza, l-edukazzjoni u s-soċjalizzazzjoni għaż-żgħażagħ Maltin li għandhom diżabilità fiżika.

"Dan il-grupp twaqqaf biex jgħin liż-żgħażagħ b'diżabilità ħalli jiksbu aktar indipendenza u biex iqajjem aktar kuxjenza li huma għandhom l-istess enerġija, l-istess emozzjonijiet u l-istess ħeġġa biex jieħdu gost, jaħdmu u jgħinu bħal kulħadd," spjegatilna Jeanesse.

Għaldaqstant, Jeanesse, li f'dan il-grupp hija fundraiser u koordinatriċi tal-edukazzjoni,  kellmitna wkoll dwar attività li se issir mill-voluntiera tal-Ordni ta' Malta.

"Fl-aħħar tmien snin il-voluntiera pparteċipaw fl-International Summer Camp li se jerġa' jsir bejn it-22 u 28 ta' Lulju fl-Awstrija, u li fih jieħdu sehem membri minn L.A.N.D. Din l-attività tikkonsisti minn ġimgħa ta' interazzjoni bejn nies minn pajjiżi differenti permezz ta' attivitajiet varji li huma addattati għal żgħażagħ b'diżabilità." 

Jeanesse tistqarr: "Il-grupp jixtieq li din l-esperjenza tkun waħda ta' suċċess iżda neħtieġu l-għajnuna u għalhekk qed infittxu sponsors u/jew attivitajiet li bihom jinġabru l-flus biex inkopru ftit mill-ispiża li tilħaq l-€4,000." 

Jekk tixtieq tgħin jew tkun taf aktar dwar dan kollu, ibgħat imejl lil Jeanesse fuq jeanesse76@gmail.com jew ċempel lill-President tal-L.A.N.D, Daniela Schembri, fuq 79060393. Dwar l-International Summer Camp tista' tikseb iżjed informazzjoni minn hawn, jew tista' tibgħat imejl fuq voto.masmom@gmail.com jew iċċempel lil Daniel Camilleri fuq 79004007.

No comments:

Post a Comment