sponsors

Saturday, 10 June 2017

BIL-FILMATI: Quddiem, wara, u ġol-kwinti tad-diska l-ġdida ta' Christina Magrin!



Il-kantanta Christina Magrin, li s-sena l-oħra rrappreżentat lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Parachute, illum nediet il-kanzunetta l-ġdida tagħha Snowglobe.
L-Erbgħa li għadda kellha l-birthday u għall-okkażjoni żvelat ftit minn dan il-proġett, u t-tim ta' Xarabank kien hemmhekk isegwi dan il-pass mużikali ieħor ta' Christina.

Fl-isfond ta' atmosfera allegruża, Christina tispjega magħna li flimkien mat-tim tagħha kienu ilhom jaħdmu fuq il-kanzunetta u kif il-ħsieb kien ilu hemmhekk, però kien proprju f'Jannar li għadda li x-xogħol beda sew.



Tistqarr magħna l-ferħ u l-kuntentizza li kienet qed tħoss dak il-waqt, filwaqt li tirringrazzja lil Angie u lil Duane Laus kif ukoll lil Fredick Testa li ħadu ħsieb il-vidjow mużikali tagħha. Ma setax jonqos li Christina wkoll tirringrazzja lil sħabha u lil familtha: "Nirringrazzja lil ħafna nies oħra li ssapportjawni matul din l-esperjenza kif ukoll nirringrazzja lil sħabi u lill-familja kbira tiegħi tas-sapport kollu."

Ma stajniex ma niħdux kumment ukoll ta' omm u missier Christina li jesprimu s-sodisfazzjoni tagħhom li jaraw lil binthom tagħmel pass fil-karriera mużikali tagħha. Filwaqt li missierha jesprimi l-ferħ tiegħu għan-numru ta' nies li ġew u għall-atmosfera sabiħa, ommha tistqarr: "Ħadna pjaċir bil-vidjow għaliex kien ilha taħdem għalih. Kienet xewqa kbira tagħha li tibda tniedi l-kanzunetti tagħha mill-album li ġej. Ovvjament issa dejjem inħarsu 'l quddiem."

Ritratt: Missier, omm u oħt Christina
Xarabank tkellem ukoll ma' Angie Laus, li flimkien ma' Duane u ma' Frederick ħadmet fuq il-vidjow mużikali tagħha.

"Kienet esperjenza sabiħa ħafna li naħdmu ma' Christina u mal-familja tagħha. Kienet l-ewwel darba li ħdimna ma' xi ħadd daqsekk żgħir u din kienet xi ħaġa differenti għalina," qalet Angie.

Ritratt: Duane u Angie Laus flimkien ma' Fredick Testa
Ħadna wkoll kumment ta' Destiny li dwar id-diska tistqarr: "Għandha vidjow u kanzunetta sbieħ ħafna, u veru ħadt pjaċir narah. Ngħid proset lit-tim kollu għaliex apparti li hi veru brava, imnalla kien it-tim li għenha tagħmel produzzjoni daqshekk sabiħa. Leħinha huwa impekkabbli!"


Hawnhekk tista' tara l-music video il-ġdid ta' Christina Magrin:



U hawnhekk tista' tara xi filmati behind the scenes ta' kif inħadem il-music video:



Minn qalbna nawguraw lil Christina kull suċċess!

Filmat: Matthew Vassallo 
Muntaġġ: Andrew Borg Carbott

No comments:

Post a Comment