sponsors

Sunday, 11 June 2017

BIL-FILMAT: Se jpoġġu ħdejn xulxin fil-Parlament

Ritratt: Jean Pierre u Kristy Debono 
Kristy u Jean Pierre Debono huma l-unika koppja miżżewġa eletta fil-Parlament.

Wara ġimgħa impenjattiva fis-sala tal-għadd tal-voti, fejn għamlu jumejn sħaħ imqajmin, ma' Xarabank Kristy tistqarr: "Ninsabu għajjiena ħafna u għadna fil-proċess li niġġeneraw lilna nfusna." Ma' dan Jean Pierre jżid jgħid: "Għad għandna ħafna dejn mas-sodda!"


Imma bejniethom it-tnejn min xtaqt lil min jitla' elett? Jean Pierre jistqarr li xtaq lil Kristy titla': "Għamlet erba' snin u nofs taħdem u jien nixhed kemm taħdem. Kristy ħadet il-biċċa xogħol politika bis-serjetà ħafna, hija omm għax għall-grazzja t'Alla f'nofs il-leġiżlatura kellna t-tifla, u allura kienet tagħmel sagrifiċċji kbar. Jiena niftakarha fis-sagħtejn ta' filgħodu tipprepara għad-diskors tal-għada fil-Parlament, filwaqt li tidħol torqod it-tifla u jiena nidħol nistrieħ." Min-naħa l-oħra, Kristy tistqarr li xtaqet lil Jean Pierre jitla' elett.

It-tnejn li huma jispjegaw li kieku ħarġu għall-elezzjoni bħala kandidati ta' żewġ partiti differenti ma kinux joħorġu għax għalihom, il-familja tiġi l-ewwel. Jean Pierre jispjegalna wkoll li se jibda jpoġġi ħdejha fil-Parlament.

"Kristy forsi ma tagħtix dik l-impressjoni imma filgħaxija fit-tard billejl dejjem ikollna ikla tajba lesta għaliex id-doveri tal-familja qatt ma telqithom, u għalhekk b'sens ta' ringrazzjament l-għada nara li nkun maġenbha ħalli jekk ikollha bżonn xi ħaġa fil-Parlament nagħtiha l-għajnuna."



Jean Pierre jitkellem dwar it-tifla tiegħu u l-politika u jirrakkonta storja li messitlu qalbu: "Kienet il-ġurnata tas-Sibt, fil-Kampanja Elettorali u aħna t-tnejn kellna attività filgħaxija u Kristy qaltli li bejn iż-żjajjar fid-djar se tmur ħdejn it-tifla mbagħad tibqa' sejra għall-attività. Qabel iż-żjajar fid-djar, iddeċidejt li nċempel lil Kristy biex nara kif inhi u qaltli biex inkellem ftit lit-tifla, u t-tifla qaltli hello, bye, good night u see you tomorrow, jiġifieri t-tifla fl-erbgħa ta' waranofsinhar kienet taf li qabel l-għada filgħodu mhux se tara. Ma kontx nemmen li t-tifla qed tifhem daqshekk." Jispjega kif dak il-ħin qabditu dehxa bard u jiftakar lilu nnifsu jibki fil-karozza għaliex ma setax jemmen li t-tifla ta' sentejn taf li min hu fil-politika għandu ħinijiet twal: "Dak il-ħin ħassejtni f'baħar imqalleb fejn l-iktar nies li nħobb mhux qegħdin miegħi." Iżied jgħid li jqatta' kemm jqatta' ħin mat-tifla, qatt mhu biżżejjed.

Imma kif iltaqgħu Kristy u Jean Pierre? Jean Pierre jispjega li ltaqgħu fil-binja tal-Partit: "Jien kont naħdem fuq in-naħa tal-Partit u Kristy dak iż-żmien kienet taħdem fuq in-naħa tal-midja. Jiena kont li saqsejtha biex toħroġ miegħi imma ma qaltlix iva mill-ewwel." Jgħidilna wkoll kif ipproponielha: "Kellna daqsxejn ta' argument fil-karozza u ġo nofs dan l-argument qbadt id-djarju u għedtilha li fit-tali ġurnata ħa niżżewġu, u wara sentejn fil-fatt iżżewwiġna."

Ritratt: Andrew Borg Carabott

No comments:

Post a Comment