sponsors

Sunday, 11 June 2017

BIL-FILMAT: Dan huwa l-iżgħar deputat elett fil-Parlament s'issa


Clint Camilleri, sa issa, huwa l-iżgħar deputat elett fil-Parlament. Clint għandu 29 sena, huwa perit Għawdxi, u s'issa kien sindku tal-Qala, Għawdex. Imma minn din il-leġiżlatura se jibda jaqdi d-dover ta' membru parlamentari u ta' segretarju parlamentari responsabbli mill-biedja, is-sajd u l-ħarsien tal-annimali wara li ġie elett fl-Elezzjoni Ġenerali tal-ġimgħa l-oħra. Clint kien magħna f'Xarabank ta' nhar il-Ġimgħa.
Fl-2014, Clint Camilleri kien kważi tela' elett bħala Membru Parlamentari Ewropew u jispjega: "Fl-aħħar Elezzjoni tal-Parlament Ewropew il-ballun ħabat mal-lasta iżda ġie barra, imma din id-darba assigurajna li malli jaħbat mal-lasta jiġi ġewwa."

Clint jistqarr li ma kienx qed jistenna li jinħatar Segretarju Parlamentari. "Minħabba li għad għandi età żgħira ma kontx qed nistennieha, però naf li l-Prim Ministru jemmen fiż-żgħażagħ u għalhekk għoġbu jafdani b'dan id-dekasteru li fih l-isfidi tiegħu għax għandu s-sajd, il-biedja u d-drittijiet tal-annimali, però nħossni sodisfatt b'dan id-dekasteru u se nkun qed naħdem u nagħmel ħilti kollha biex inġib l-aħjar riżultati."



Il-familja ta' Clint magħrufa sew bil-laqam tal-Bedeq u jispjegalna ftit dwar kif qabad l-istess triq politika ta' nannuh u missieru: "In-nannu tiegħu huwa Anġlu Camilleri li kien membru paralmentari fil-Gvernijiet ta' Dom Mintoff u missieri wkoll kien involut fil-politika, fil-Kunsill Lokali tal-Qala, u jien komplejt fuq il-passi tagħhom u llum qiegħed hawnhekk quddiemkom."

L-impenji diġà bdew deħlin hekk kif Clint jispjega li se jibda l-impenji tiegħu fi Brussell fejn se jirrappreżenta l-Presidenza u lil Malta, u mit-Tlieta jkompli l-ħidma tiegħu hawn Malta fl-irwol tiegħu bħala Segretarju Parlamentari.

Ritratt: Andrew Borg Carbott

No comments:

Post a Comment