sponsors

Wednesday, 7 June 2017

Ħames mumenti storiċi li għexna f'din l-Elezzjoni Ġenerali



Matul il-kampanja elettorali u fil-jiem ta' wara l-Elezzjoni Ġenerali ġraw mumenti li żgur se jibqgħu stampati f'moħħna jew għaliex kienu sempliċi imma ħelwin jew għax tant ġraw b'sorpriża li lanqas stajna nemmnu li fil-fatt veru ġraw.


1) Il-folla tkanta l-Innu Malti

Wieħed mill-mumenti sbieħ ta' din l-Elezzjoni Ġenerali seħħ ftit mumenti wara li Dr Joseph Muscat ħa l-ġurament tiegħu bħala l-Prim Ministru ta' Malta, meta l-folla barra l-Palazz tal-President fi Pjazza San Ġorġ ingħaqdet minn jeddha biex tkanta l-Innu Malti:





2) Jitla' t-tielet partit fil-Parlament

Wara li l-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia ġiet eletta fl-għaxar distrett, seħħ mument storiku għaliex din hija l-ewwel darba mill-Indipendenza 'l hawn li l-Parlament issa se jkollu tliet partiti. Marlene Farrugia kkontestat din l-Elezzjoni Ġenerali taħt il-kappa tal-Forza Nazzjonali flimkien mal-Partit Nazzjonalista.


Ritratt: MaltaToday
3) Żaren tal-Ajkla jżid fil-voti

Żaren Bonnici tal-Partit tal-Ajkla, li matul il-kampanja qanqal il-briju u neħħa ftit mit-tensjoni li kien hawn fil-pajjiż, żied 30 vot mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2013. Filwaqt li fl-2013 kiseb 47 vot, is-Sibt li għadda ġabar 71 vot.






4) Koppja miżżewġa eletta fil-Parlament



Kristy u Jean Pierre Debono se jkunu koppja miżżewġa fil-Parlament wara li ġew eletti t-tnejn li huma f'isem il-Partit Nazzjonalista. Dan wara li Jean Pierre ġie elett mal-25 għadd fis-7 distrett, u Kristy ġiet eletta mal-ewwel għadd fid-9 distrett.



5) Il-Karnival u Viva Malta fis-sala tal-Għadd tal-Voti



Ritratt: Malta Independent
Minkejja li għaddew 4 xhur minn Frar li għadda, l-Innu tal-Karnival reġa' nstema' jidwi, din id-darba l-Ħadd li għadda fis-sala tal-għadd tal-voti. Hekk kif Marlene u Godfrey Farrugia żaru s-sala, l-aġenti Laburisti qabdu jkantaw din il-kanzunetta meta għaddew minn ħdejhom. Ara l-filmat hawn.

Però lbieraħ ftit wara li tħabbar li l-Partit Demokratiku għandu siġġu fil-Parlament, iddominat il-frażi 'Viva Malta' minn fomm Marlene u Godfrey Farrugia huma u mexjin fis-sala tal-għadd tal-voti, kif tista' tara f'dan il-filmat.

Ritratt tal-faċċata: Newsbook

No comments:

Post a Comment