sponsors

Sunday, 7 May 2017

Żaren tal-Ajkla jitkellem għall-ewwel darba fil-Kampanja Elettorali


Żaren tal-Ajkla se jerġa' joħroġ għall-Elezzjoni Ġenerali fit-3 ta' Ġunju li ġej, u jien għaddejt għalih bil-karozza u staqsejtu xi mistoqsijiet.

Rajtu jistennieni mill-bogħod, u kif bdejt noqrob lejh indunajt li madwaru kien hemm xi ħamsa min-nies ikellmuh u joħdulu b'idejh u jifirħulu. U matul l-intervista kollha, minn kull fejn għaddejna bil-karozza, in-nies baqgħu jgħajtulu u jxejrulu.


Malli daħal fil-karozza Żaren qalli li se joħroġ fuq it-Tielet distrett (Iż-Żejtun, Ħal-Għaxaq, Marsaskala u Marsaxlokk) u fuq it-Tlettax-il distrett (Għawdex). Qalli wkoll li l-Partit tal-Ajkla mhux se jkollu kandidati oħra u għalhekk, għal darba oħra se jkun qed jikkontesta l-Elezzjoni waħdu.

Waqt l-intervista sostna miegħi li jemmen li Joseph Muscat huwa Nazzjonalist, għax lagħaq ħafna lin-Nazzjonalisti u ma ħax ħsieb biżżejjed lil-Laburisti, u wegħdni li jekk jitla' fil-Parlament se jkun qed jaħdem ħafna għal aktar drittijiet tal-kaċċaturi u n-nassaba.


Fost l-oħrajn lil Żaren staqsejtu għalfejn ikollu ħafna nies fil-mass meetings, imma mhux ħafna voti meta joħorġu r-riżultati tal-Elezzjoni. "Fl-Elezzjoni li għaddiet in-nies riedu l-bidla, riedu lil Joseph Muscat, u forsi għalhekk ma vvutawx lili," weġibni. U kompla jgħidli li issa, wara li lanqas irnexxielu jagħmel ħames snin fil-Gvern, Joseph Muscat wera li mhux tajjeb biex imexxi l-pajjiż.

"Il-korruzzjoni ma tistax teqridha għax dik ilha minn żmien Alla. Il-Ġimgħa l-Kbira ġrat bil-korruzzjoni, għax Ġesù kellu wieħed minn ta' miegħu li nxtara u tradih," qalli Żaren meta konna qed nitkellmu fuq il-korruzzjoni. U jkolli nammetti li għandu biċċa raġun, għax jien stess qatt ma kont ħsibt fiha b'dak il-mod.

Lil Żaren staqsejtu wkoll xi jkunu l-ewwel tliet affarijiet li jagħmel kieku jkollu l-poter. "L-ewwel li nagħmel huwa li niftaħ il-kaċċa għal kulħadd is-sena kollha," qalli, "imbagħad nagħmel bridge minn Malta għal Kemmuna u minn Kemmuna għal Għawdex, u mbagħad nikri l-postijiet vojta li għandna f'Malta...u jekk ikunu postijiet privati u ma jkunux iridu jagħtuhomli, noħodomlhom u nagħtihom il-flus li naqla' mill-kirjiet.

Żaren se jagħmel Mass Meeting nhar il-Ħadd li ġej, 14 ta' Mejju, fl-10am fil-pjazza ta' Ħal Għaxaq.

Ritratt: timesofmalta.com

No comments:

Post a Comment