Monday, 1 May 2017

AĠĠORNATA BIL-FILMAT: “Issa ma nibżax immut għax hemm missieri jistennieni” – Sabina




Aġġornata (10:15):

Tintemm il-quddiesa u fl-isfond tal-ħsejjes tal-qniepen idoqqu u taċ-ċapċip, ir-reffiegħa ħarġu bit-tebut fuq iz-zuntier mimli nies jibku t-telfa ta' Sabina.







Aġġornata (10:06):

Preżenti għall-funeral kien hemm ħafna personalitajiet Maltin, fosthom Angie Laus, Amber Bondin, Franklin Calleja, Kurt u Kevin Calleja, Elton Zarb u Ivan Grech li kanta wara t-tqarbin.


Il-quddiesa dalwaqt tispiċċa u l-folla ta' nies tibqa' ħierġa sa fuq iz-zuntier tal-Katidral.

Aġġornata (09:26):

Seba’ xhur ilu Sabina tilef lil missierha u lil ħutha kienet qaltilhom li “issa ma nibżax immut għax hemm missieri jistennieni.”

Waqt l-omelija, Fr Marcellino jispjega li fl-1 ta’ Mejju jiftakar f’oħtu li ħallithom b’żewġt itfal żgħar bħal Maxine u Ella. Jissokta billi jagħmel referenza għall-poeżija ta’ Dun Karm ‘Waħdi’ li fiha jagħti d-definizzjoni ta’ omm;

      Omm! ... xi ħlewwa, xi tjieba ta' isem!
Omm, il-kelma tal-faraġ fil-hemm,
Omm, il-kelma tal-ħniena fil-ħtija,
 Omm, il-kelma li trażżan id-demm.

Jgħid li Sabina marret b’qalb mimlija u idha mimlija għaliex għamlet xahar, bħall-Ġimgħa l-Kbira, ta’ tbatija. Filwaqt li jistqarr li l-karità kbira li għamlet Sabina f’ħajjitha hija meraviljuża u tal-għaġeb, jgħid ukoll li l-iktar paġna li kienet tgħożż mill-Bibbja kienet:“Kont bil-għatx u sqejtuni, kont bil-ġuħ u tmajtuni.” Jispjega kif Sabina għexet din il-kelma u għamlet ħafna karità mingħajr ma’ idha l-leminija kienet taf x’inhi tagħmel idha x-xellugija.

Jirrakkonta kif tlett ijiem qabel ma ħaduha l-isptar mar id-dar tagħha fejn hemmhekk tkellmu dwar il-mewt. Jispjega kif qaltlu li kienet qed tħossha li se tmut u xtaqet titkellem fuq il-mewt u f’dak il-mument tkellmu dwar dak li hemm lest għal min iħobb lil Ġesù. Iżied jgħid li Sabina xtaqet li tqerr u b’dan is-sagrament ingħatat il-grazzja li titla’ fi ħdan il-grazzja ta’ Alla.

Ritratt: Sabina flimkien ma' żewġha u wliedha

Fr Marcellino jindirizza lil Jonathan, Maxine u Ella flimkien ma’ ħutha Fiona, Abigail, Chanelle u l-familja kollha, u jistqarr li “intom indiema waħda biss għandkom; li m’għadhiex magħkom u għandkom raġun li tibku għax hija diffiċli ħafna u postha ma jieħu qatt.” Madankollu jgħidilhom li “xi ħaġa sabiħa hi li m’għandkomx rimors imma ħafna faraġ.”

Iżied jgħid li “naħseb Sabina qed tgħidilkom grazzi għax dejjem kontu magħqudin, dejjem urejtu rispett lejn xulxin u ħabbejtu lil xulxin.” Itemm jgħid billi jgħid lil Maxine u Ella biex jitfakru fit-talba li ġejja u jgħiduha biex ommhom tagħtihom il-kuraġġ; “O Alla fittex għinni f’dan il-mument.” 




Qabel:

Għadu kif beda l-funeral ta' Sabina, l-omm żagħżugħa ta' Maxine u Ella, li ħallietna nhar il-Ġimgħa li għadda. Il-funeral qed isir fil-Katidral tal-Imdina.

Mijiet ta' nies dalgħodu nġabru fil-Katidral tal-Imdina biex jagħtu l-aħħar tislima lil Sabina, li tilfet il-battalja kontra l-marda tal-kanċer wara biss xahar u nofs minn meta qalulha li għandha tumur f'rasha. Fost in-nies miġbura fil-Katidral tal-Imdina dalgħodu hemm ukoll il-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca.

Aħna qegħdin il-funeral u se nkomplu naġġornawkom b'aktar ritratti u filmati aktar ma jgħaddi l-ħin.

Ritratti: Andrew Borg Carbott
Filmat: Mark Laurence Zammit

No comments:

Post a Comment