sponsors

Monday, 15 May 2017

Mid-dehra n-numru ta' Xarabank qed jintuża għall-'prank calls'


Huwa normali għalina li fl-uffiċċju ta' Xarabank jidħlulna telefonati ta' nies li ma jkollhom l-ebda intenzjoni li jċemplu lilna. Din il-ħaġa tiġri kważi kuljum, u malli nwieġbu t-telefown u ngħidulhom "Hello Xarabank" nisimgħu pawża qasira ta' silenzju, imbagħad min-naħa l-oħra tal-linja jgħidulna: "Eh...sorry...wrong number." U jaqtgħu l-linja.

Din il-ħaġa ġratilna biżżejjed drabi biex nibdew nistaqsu bis-serjetà għalfejn qed jidħlulna daqstant telefonati ta' nies li bħal donnu ma ridux iċemplu lilna. U sirna nafu li hemm xi nies li qed iġiegħlu lil sħabhom iċemplu 21249200 u jgħidulhom li se jaqbdu xi post partikolari, biex imbagħad jaqbdu mal-uffiċċju ta' Xarabank.

Onestament, s'issa għadna ma fhimniex eżatt din iċ-ċajta x'daħka fiha, u nixtiequ li nifhmuha forsi nidħku aħna wkoll.

Madanakollu, fl-aħħar jiem, il-każijiet ta' prank calls fl-uffiċċju tagħna iggravaw. Daħlulna telefonati minn għadd ta' nies jilmentaw li rċevew telefonata min-numru tagħna. F'din it-telefonata jgħidulhom li ntlaqtet il-karozza tagħhom. U din tkun ċajta.

Din iċ-ċajta ssir ħafna drabi billi tintuża l-app li jisimha Hai Colpito La Mia Auto. Min jagħmel dan it-tip ta' ċajt, f'din l-app idaħħal żewġ numri - in-numru tal-vittma taċ-ċajta, u n-numru minn fejn jixtieq li l-vittma "jirċievi t-telefonata." Għalhekk, meta dawn il-vittmi qed jirċievu din it-telefonata qed jimmarkalhom in-numru ta' Xarabank.

Jiġifieri jekk tirċievu dawn it-tip ta' telefonati, dawk mhumiex ġejjin min-naħa tagħna. Min-naħa tagħna aħna nassigurawkom li ma għamilna l-EBDA ċajta ta' dan it-tip, fuq l-EBDA persuna. Aħna nippruvaw li meta nagħmlu ċajta, iċ-ċajta tkun actually tad-daħk.


1 comment: