sponsors

Monday, 8 May 2017

Kantanta Maltija pass eqreb għall-X Factor


Nhar is-Sibt li għadda l-kantanta Maltija Sarah Micallef Muscat għamlet l-ewwel audition għall-programm X Factor f'Londra u għaddiet għat-tieni fażi ta' din il-kompetizzjoni. Dan ifisser li issa Sarah tinsab pass eqreb biex tkanta fl-X Factor quddiem il-ġurija u eluf ta' nies.
Sarah hija wkoll parti mit-tim ta' Xarabank, u aħna tkellimna magħha u qaltilna li tinsab eċitata ħafna u m'għandhiex kliem biex tesprimi l-ferħ li ħasset meta qalulha li għaddiet għat-tieni fażi tal-X Factor. U fost l-oħrajn xtaqet tirringrazzja ħafna lil Claudia Magrin, li hija l-għalliema tal-kant tagħha.

Bħalissa Sarah għadha Londra għaliex fil-jiem li ġejjin se tkun qed tmur għat-tieni audition bit-tama li tgħaddi għall-fażi li jmiss u eventwalment tispiċċa tkanta fuq it-televiżjoni f'wieħed mill-aktar programmi popolari fid-dinja li għandu udjenza ta' mhux inqas minn 10 miljun ruħ kull ġimgħa.


Kantanta Maltija oħra, Marilena Gauci, ukoll irnexxielha tgħaddi għat-tieni fażi.

L-X Factor huwa programm li għalih japplikaw eluf ta' nies b'talenti mid-dinja kollha u huwa inkredibbilment diffiċli li tgħaddi l-fażijiet kollha.

"Meta għamilt l-audition jien kien hemm mill-inqas elfejn ruħ oħra jagħmlu l-audition fl-istess ġurnata," qaltilna Sarah.

U biex daħlet għal din l-audition Sarah damet tistenna 12-il siegħa quddiem il-bieb!

F'wieħed mill-programmi speċjali li għamilna fi żmien il-Milied li għadda Sarah kienet ġiet tkanta f'Xarabank ukoll. U hawn tista' tara l-filmat:



1 comment: