top bar

Sunday, 7 May 2017

In-nies qed jiddiskutu min kellu l-akbar folla fil-mass meetings tal-lum - ara l-filmati hawn


Illum waranofsinhar il-Partit Laburista għamel mass meeting f'Ħaż-Żabbar u l-Partit Nazzjonalista għamel mass meeting f'Ħal Balzan. M'hemmx xi ngħidu, għaż-żewġ mass meetings inġabru eluf ta' nies bil-bnadar u l-kartelluni u l-ħornijiet.

Aħna konna hemm għaż-żewġ mass meetings, u dawn huma l-filmati li ħadna.
Waqt il-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista, Dr Simon Busuttil qal li l-għażla fl-Elezzjoni Ġenerali mhix kwistjoni ta' proposti, imma hija kwistjoni ta' prinċipji.

Dr Busuttil stqarr li l-prinċipji tal-onestà u tal-integrità jagħtu lil Malta sisien sodi u jiġġieldu kontra l-korruzzjoni. Qal li l-Partit Nazzjonalista ressaq proposti għal governanza tajba li tiġġieled il-korruzzjoni, billi fost oħrajn, persuni f'istituzzjonijiet tal-istat jinħatru b'appoġġ ta' żewġ terzi tal-Parlament.



Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-Prim Ministru ta' pajjiżna qiegħed taħt investigazzjoni kriminali u fakkar lill-folla fil-kumpaniji sigrieti li fetħu Konrad Mizzi u Keith Schembri u fil-korruzzjoni fil-bejgħ tal-passaporti.

Fost l-oħrajn, Dr Busuttil stqarr ukoll li l-perspettiva tal-Forza Nazzjonali hi investiment fit-toroq, fil-faċiltajiet sportivi, fit-traffiku u fl-ambjent.

Min-naħa l-oħra, fil-mass meeting ta' Ħaż-Żabbar, il-mexxej tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat akkuża lil Simon Busuttil li qed iħammeġ lil familtu, lil uliedu u lill-Maltin u l-Għawdxin bil-lingwaġġ li qed juża. Saħaq li bħala Prim Ministru mhu se jħalli lil ħadd joħloq qasmiet bejn il-Maltin u sostna li Malta hija tal-Maltin u l-Għawdxin kollha bħala poplu wieħed magħqud.


Dr Muscat qal ukoll li l-Oppożizzjoni mhix qed turi li tista' tiggverna, għax qed tinfexx fil-gideb, flok fi pjan konkret ta' kif se ġġib lil pajjiżna ’l quddiem.

Joseph Muscat talab lill-folla preżenti biex jerġgħu jafdawh bit-tmexxija tal-pajjiż għall-ħames li ġejjin u qalilhom li bl-istess mod kif wettaq dak li wiegħed fl-aħħar erba' snin, hekk se jkun qed jagħmel fil-ħames snin li ġejjin jekk kemm-il darba l-poplu jurih fiduċja fit-3 ta' Ġunju. Fost l-oħrajn qal ukoll li fil-leġiżlatura li jmiss se jintroduċi ż-żwieġ għal persuni omosesswali.

No comments:

Post a Comment