sponsors

Tuesday, 30 May 2017

Ftit jiem ilu dawn it-tlett irġiel daħlu l-Belt u kulħadd baqa' ċċassat lejhom


Dan ta' hawn taħt huwa filmat ta' tliet ġuvintur li ftit ġranet ilu daħlu Bieb il-Belt u qajmu ħafna suspett fost in-nies li rawhom. Wieħed miż-żgħażagħ saħansitra kellu wiċċu mgħammad kollu filwaqt li ieħor kellu għajnejh mgħottija u l-ieħor kellu ħalqu mgħotti.

Fil-filmat jidhru ħafna nies li nħasdu b'dawn l-irġiel fil-Belt Kapitali tagħna, għaliex fi żmien fejn l-attakki terroristiċi fl-Ewropa saru kważi ħaġa komuni, xena bħal din tqajjimlek suspetti kbar.

Dawn it-tliet ġuvintur huma parti mill-grupp Dear Students, li nħoloq biex iħeġġeġ lill-istudenti jeżerċitaw id-dritt (u d-dmir) demokratiku billi joħorġu jivvutaw fl-Elezzjoni Ġenerali nhar is-Sibt li ġej.
 
Ma' Xarabank, il-grupp Dear Students jispjega li ħolqu l-filmat #SaveMalta wara li bdew jindunaw li ħafna żgħażagħ mhumiex interessati li joħorġu jivvutaw minħabba li x-xena politika f'Malta hija ddominata minn attakki politiċi kontinwi. B'reazzjoni għal din is-sitwazzjoni, il-grupp, li huwa magħmul minn għadd ta' studenti, ħass il-bżonn li jagħmel xi ħaġa biex jiġbed l-attenzjoni tan-nies, u għaldaqstant ħoloq dan il-filmat.

Il-filmat iwassal tliet messaġġi importanti biex jispjega għalfejn wieħed għandu joħorġ jivvota. Jgħid "li jekk ma tivvutax ħa titlef ir-rappreżentant tiegħek tal-Parlament, tkun qisek bigħt il-vot tiegħek u d-dritt tiegħek li tkun rappreżentat mill-Gvern, u jekk ma tivvutax ma tkunx rappreżentat mis-sistema ġudizzjarja." Iżid jgħid li dawn it-tliet prinċipji huma l-pilastri tad-demokrazija li jħaddan pajjiżna u għalhekk hemm bżonn li toħroġ tivvota ħalli żżomm id-dimokrazija ħajja.

Il-grupp jgħid li "ma konniex partiġġjani u fil-fatt bħala studenti ppruvajna kemm jista' jkun noqogħdu lura milli nuru wiċċna, ħlief lejn l-aħħar fejn jidhru tliet persuni li jippreżentaw lill-bniedem li ma jistax ifittex, ma jistax jitkellem u ma jistax jisma' jekk ma joħroġx jivvota, u b'hekk kellna bżonn inkissru din il-barriera li qed tinħoloq."

Tista' tara l-filmat hawn taħt:


No comments:

Post a Comment