sponsors

Monday, 29 May 2017

ESKLUSSIVA: "Ebda kelb mhu ħiereġ qabel ma jingħataw post" - Austin

Ritratt: Austin flimkien mal-klieb
"Ebda kelb mhu ħiereġ qabel ma jagħtini post il-Gvern għax jien m'iniex lest li noqgħod għall-gideb u għall-ġuramenti foloz."

Dan huwa kliem Austin Borg, ir-raġel li ftit tal-ġranet ilu ġie ordnat mill-Qorti li fi żmien xahrejn irid ineħħi 12-il kelb u 25 qattus mill-post tiegħu u minflok isib alternattiva oħra. Dan wara li nstab ħati li kiser il-mistrieħ tan-nies, li rema u ħalla żibel bil-ħmieġ tal-annimali u li ma ġabx ruħu sew fil-konfront tal-ġirien. 

Xarabank tkellem ma' Austin u għall-verdett finali tal-Qorti jsostni: "li l-ebda kelb mhux ħiereġ qabel il-Gvern jagħti post lil dawn l-annimali." Jispjega li "ma jimpurtax jekk jagħtini post imkisser u mfarrak, basta li l-klieb jibqgħu miegħi għax il-klieb li għandi huma morda u għandhom bżonn il-mediċini." L-imħabba lejn dawn l-annimali tant hi kbir li jistqarr: "Jiena lest li mmur il-ħabs."

Ritratt: Austin
Austin jieħu ħsiebhom il-klieb tiegħu tant li jgħid li minn spezzjoni li saret minn veterinarju u uffiċjal tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali rriżulta li l-klieb u l-qtates jgħixu fi stat ta' saħħa tajjeb u nodfa. Fil-fatt, minkejja li l-klieb ta' Austin huma xjuħ u jingħataw il-mediċini li jħallas hu minn butu, jispjega:"Ħadd ma jaf kif ħa jħossni la jasal il-waqt. Jiena l-ewwel li naħseb fl-ikel u fil-pinnoli tagħhom u mhux fid-dawl u fiċ-ċuċati tiegħi."

Ritratt: Austin flimkien mal-qtates
Jistqarr li ntqalu diversi gideb fil-konfront tiegħu u speċjalment kontra l-klieb, fejn qalu li dawn jinbħu l-lejl kollu u ma jħallux lill-ġirien jorqdu. Jispjega: "Il-pulizija qatt ma qaluli xejn u qatt ma telgħu għandi għax kont narahom jagħmlu r-ronda bil-lejl waqt li jien kont inqum innaddaf wara l-ħmieġ tal-klieb." Dwar iż-żibel, Austin jispjega li: "Jiena qatt ma kont noħroġ bil-boroż imqattgħin tant li kont nagħmel żewġ boroż ġodda mal-maħmuġa u norbothom it-tlieta li huma biex ma jkollix ħmieġ."

Austin jispjega li għandu tliet għażliet quddiemu; jew li jingħata post, jew li jitlaq bl-annimali tiegħu jew li joħdulu l-klieb u l-qtates. Itemm jgħid: "Jien lest li nagħti l-post lill-Gvern, inkompli nħallas is-self li għandi fuqu u nħallas il-kontijiet pendenti tad-dawl li ilni mingħajru għal dawn l-aħħar sitt snin biex ngħajjex lill-annimali.



Fl-2011, Xarabank kien segwa l-istorja ta' Austin fejn hemmhekk stajna naraw l-imħabba li huwa għandu lejn dawn il-klieb u l-qtates. Għall-ewwel id-dar tiegħu tidher dar bħal kull dar oħra imma meta dħalna ġewwa sibna 80 kelb u qattus differenti jgħixu ma' Austin li ddedika ħajtu għalihom.

Ma' Xarabank kien qal: "Kuntent għax qed jgħixu miegħi u qed nagħtihom dak li jixtiequ u dak li għandhom bżonn." Austin ma jagħżilhomx lil dawn il-klieb u l-qtates imma jew ikun ġabarhom jew ikun iltaqa' magħhom waqt li kienu qed jiġu maħqura. Kien spjega: "Jekk nara qattus barra li għandu bżonn l-għajnuna jien immur nagħtihielu żgur. Mhux nieħdu għand il-veterinarju u daqshekk, imma nieħdu miegħi biex nara li hu tajjeb."

Ritratt: Austin jibki
Austin kien ħa deċiżjoni li jaqta' d-dawl tad-dar u jgħix bla dawl, u kien spjega: "Imbasta l-klieb u l-qtates jgħixu u jkollhom l-imħabba li għandhom bżonn." Austin ma jimmaġinax ħajtu mingħajrhom u kieku jiġri hekk kien qalilna li żgur li jħossu mdejjaq: "Kieku m'għandix dawn, m'għandi lil ħadd... għall-inqas għandi lilhom."

Minn wara Xarabank, ħafna kienu dawk in-nies li riedu jagħtu l-għajnuna tagħhom kif tistgħu taraw f'dan il-filmat:






1 comment:

  1. minhabba l fatt li dawn jiehdu l medicina huwa bzonn li dan il bniedem jghix fl istess post li jkunu l annimali tieghu.

    ReplyDelete