top bar

Saturday, 20 May 2017

BIL-FILMAT: L-ewwel kummenti ta' Destiny wara li kantat illejla


Wara wirja eċċezzjonali, il-kantanta Destiny Chukunyere għaddiet għall-fażi li jmiss ta' Britain's Got Talent.


Ftit minuti wara li rifset fuq il-palk, Destiny stqarret mal-ġurija li kienet eċitata u nervuża, filwaqt li qalet li hija minn Malta u li għandha erbatax-il sena. Meta ġiet mistoqsa minn Simon Cowell kif spiċċat hemmhekk, Destiny qaltilhom li rebħet il-Junior Eurovision Song Contest fl-2015 u li ġiet hemmhekk għax hija fan tiegħu. Hija spjegat kif Beyonce u Aretha Franklin huma ż-żewġ kantanti li jispirawha. 

Wara biss ftit sekondi minn meta bdiet tkanta 'Think' ta' Aretha Franklin, l-udjenza bdiet iċċapċap u l-impatt li ħalliet fuqhom deher fl-istanding ovation li tawha wkoll il-ġurija li mbagħad għaddewha għall-fażi li jmiss.

Ftit metri 'l bogħod minnha kien hemm nannitha, li kif jixhed il-filmat t'hawn taħt dehret kburija u ferħana bin-neputija tagħha. 




Ma' Xarabank, Destiny tistqarr li "nħossni kuntenta ħafna għax ilni naħdem għaliha din l-esperjenza." Tispjega kif hi u tara l-wirja tagħha bdiet tibża' kif se tintlaqa' l-kanzunetta u l-wirja tagħha. Tistqarr li "kont eċitata ħafna u ma ridtx naraha l-performance għax vera bdejt nibża' imma mbagħad meta bdejt nara lin-nies u lill-ġurija jieħdu pjaċir għamilt naqra kuraġġ."

Xarabank tkellem ukoll ma' Gordon Bonello, li għen lil Destiny tasal għal din l-esperjenza. Huwa jispjega li "Destiny ma kinitx taf li jiena applikajtilha għal Britain's Got Talent. Minn qabel ma ħadet sehem fil-Junior Eurovision Song Contest, kont inħares lejha bħala tifla li għandha talent kbir." Iżied jgħid li "meta rebħet il-Eurovision staqsietu jekk jistax jgħinha u staqsieha x'kienet il-ħolma tagħha. Qaltli li l-ħolma tagħha kienet li tiltaqa' ma' Simon Cowell u li tkanta ma' Justin Bieber. Mingħajr ma kienet taf bdiet il-proċess, applikajtilha, bdejt inkellem it-tim tal-produzzjoni tal-kumpanija li tieħu ħsieb Britain's Got Talent, bdejt nibgħat xi filmati u bdew juru interess fiha sakemm imbagħad xtaquha tagħmel audition hemmhekk."

Jistqarr li hu kien preżenti magħha u "ħassejtni ser immut imma kont konvint li Destiny ħa tagħmel prestazzjoni tajba, u kont ċert li se timpressjona s-sala għax naf x'talent issarraf din it-tifla." Itemm jgħid li "għandha futur sabiħ quddiemha u jalla l-Bambin iżomm idejh fuqha, tibqa' sejra fid-direzzjoni t-tajba u tibqa' żżomm saqajha mal-art."

Fl-2015, Destiny Chukunyere rebħet il-Junior Eurovision Song Contest il-kanzunetta 'Not My Soul".

Filmat: Britain's Got Talent

No comments:

Post a Comment