top bar

Friday, 5 May 2017

BIL-FILMAT: Il-flus ippleġġjati waqt Xarabank għal Puttinu jinġabru sal-inqas ċenteżmu


Hekk kif spiċċa Xarabank li ttella' b'risq Puttinu fil-Ġimgħa l-Kbira, il-ħidma tal-voluntiera ma waqfitx sekonda u f'ħamest ijiem irnexxielhom jiġbru l-flus kollha ppleġġjati ħalli din il-ħolma ssir realtà.

Aħna tkellimna ma' Angele Cuschieri, kelliema għall-Puttinu Cares u infermiera magħrufa għall-ħidma tagħha fir-rainbow ward. Angele tispjega li "l-għada tal-programm 85 voluntier iltaqa' ma' Puttinu, però matul il-lejl ħaddiema mill-MITA qasmu l-lokalitajiet biex dawn il-voluntiera jmorru jiġbruhom l-għada filgħodu u fit-8:00am bdiet il-ħidma tagħhom". Iżżid tgħid li "l-maġġoranza tal-pledges inġabru dakinhar, is-Sibt stess, u sal-Erbgħa nġabru kollha."  

Minn dakinhar sal-lum, ħafna kienu dawk li avviċinaw lil Puttinu u Angele tispjega li "kien hemm minn ried jagħmel attivitajiet għal Puttinu u kien hemm wkoll donazzjonijiet oħra li daħlu." Madankollu tistqarr li l-iktar ħaġa li timmeraviljahom hija li minn daqstant pledges, dawn inġabru kollha f'ħamest ijiem. Iżżid tgħid li "n-nies ikkoperaw ħafna magħna b'diversi modi biex ikomplu jgħinu."

Angele tesprimi l-graditutni tagħha f'isem Puttinu lejn il-poplu Malti u Għawdxi, u tgħid li "grazzi ħafna tal-fiduċja li intom fdajtulna." Iżżid tgħid li "bir-responsabbiltà u l-fiduċja li tajtuna ħa nagħmlu minn kollox biex dan il-proġett nagħmluh realtà ħalli b'hekk id-90 pazjent li jitilgħu l-Ingilterra ma jkollhomx għalfejn iħallsu għall-akkomodazzjoni fiċ-ċentru tal-Londra." Dakinhar, bejn it-telefonati u l-pledges inġabret is-somma ta' €1,320,194.

Erġa' ġedded il-memorji ta' dakinhar billi tara l-filmat t'hawn taħt:




No comments:

Post a Comment