top bar

Tuesday, 23 May 2017

BIL-FILMAT: Chrystabelle f'kollaborazzjoni ma' produttur ta' Hollywood

Chrystabelle flimkien ma' Geo Slam
Il-kantanta u l-personalità magħrufa Chrystabelle (l-isem artistiku ta' Christabelle Borg) qiegħda f'kollaborazzjoni mal-produttur tal-mużika bbażat f'Hollywood Geo Slam.

F'avveniment li sar fil-lukanda Hilton, Chrystabelle nediet il-kanzunetta l-ġdida tagħha, Never Gone, li se toħroġ f'Ġunju li ġej.  

Ma' Xarabank Chrystabelle tispjega l-kollaborazzjoni tagħha ma' Geo Slam u tgħid: "Qed naħdem mal-produttur Geo Slam li huwa parti mill-produzzjoni ta' RedOne li hija l-istess kumpanija li taħdem ma' artisti bħal Lady Gaga, Jason Derulo u One Direction."

Ritratt: Geo Slam u Chrystabelle
Xarabank tkellem ukoll ma' Geo Slam u huwa jgħid: "Normalment inħobb nisma' l-mużika qabel ma' nara min hi l-kantanta u niffoka biss fuq il-vuċi, u meta rċevejt id-demos u smajt lil Chrystabelle kont ixxokkjat b'mod tajjeb għax għandha timbru mhux tas-soltu. Fl-Istati Uniti għandna ħafna minn dan it-timbru u bdejt naħseb kif inġibu dan it-timbru mill-Ewropa." Geo Slam jitkellem ukoll dwar il-ħidma tiegħu ma' Chrystabelle u jgħid: "Il-ħidma tiegħi magħha kienet avvenutra sabiħa u kienet faċli biex nqatta' ħafna ħin magħha, tant li qisna ilna nafu lil xulxin għal żmien twil."

Chrystabelle titkellem dwar Never Gone u tistqarr: "Il-kanzunetta twassal il-messaġġ għandek tiġri wara l-ħolm tiegħek u kif qatt m'għandek taqta' qalbek. Fi kliem ieħor, jekk taħdem għal xi ħaġa, se tasal żgur. Kull ħolma li teżisti, tista' ssir realtà."
                  
It-tim li jmexxi lil Chrystabelle jispjega li din hija l-ewwel darba li qatt raw kollaborazzjoni bħal din iseħħ f'Hollywood kif ukoll f'Malta. Jgħid: "Aħna ċerti li dan se jibgħat messaġġ pożittiv liż-żgħażagħ Maltin li kollox huwa possibbli jekk wieħed isegwi l-ħolm tiegħu u jaħdem qatigħ."

It-tim jgħid li din il-kollaborazzjoni tista' potenzjalment tiftaħ bibien u tibni pontijiet bejn Hollywood u Malta, u titfa' lil Malta fuq il-mappa tal-industrija mużikali tal-Istati Uniti u tal-bqija tad-dinja.

Ara l-filmat hawn taħt:




Ritratt: Studio Konnect



No comments:

Post a Comment