Friday, 5 May 2017

Anton Buttigieg jagħlaq 34 sena minn mewtu


Minn qassis għal avukat, iżżewweġ 3 darbiet u kellu 2 funerali, magħruf bħala Toni tal-baħri, politiku u poeta – Anton Buttigieg.

Twieled it-Tnejn 19 ta’ Frar 1912. Iben ta’ ġenituri mill-Qala, Għawdex. It-tielet, fost 4 aħwa. Anton Buttigieg huwa bniedem ta’ fidi u reliġjon u kien għad baqagħlu sena biss biex isir qassis. Madankollu ddeċieda li jitlaq u jkompli l-kors ta’ avukat. Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija serva ta’ inspekter fil-Forza tal-Pulizija u fl-1940 ggradwa bħala avukat.

Fl-1944 iżżewweġ lil Carmen Bezzina li mietet wara erba’ snin fl-età ta’ 28 sena u ħallietu bi tlett itfal ta’ sitt xhur, sentejn u tliet snin. Fl-1953 Anton iżżewweġ għat-tieni darba, lil Connie Scicluna, mill-Birgu iżda l-ħajja miżżewġa ma damitx għaliex wara tliet snin mietet. Però Anton ma baqax jaqta’ qalbu li jsib l-imħabba, u fl-1975 iżżewweġ li Margery Patterson, fl-istess żmien li kien Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet Parlamentari.

Wara li kkontesta mal-Partit Kostituzzjonali mmexxi minn Mabel Strickland mingħajr suċċess, fl-1955 il-Perit Dom Mintoff ħajru jikkontesta f’isem il-Partit Laburista. Bħala uffiċjal tal-istess partit, fis-snin 60 intlaqat ukoll mill-interdett.

It-Tnejn 27 ta’ Diċembru 1976, il-Parlament Malti ħatar lil Anton Buttigieg bħala t-tieni President tar-Repubblika fejn b’dispjaċir kellu jħalli l-karriera politika warajh. Taħt il-Presidenza tiegħu, Malta ħadet il-ħelsien fis-sena 1979 u l-isbaħ ġurnata fil-Presidenza tiegħu tkun dik propju tal-31 ta’ Marzu.

Erba’ snin wara dan il-jum storiku u sentejn wara li spiċċa minn President, Anton Buttigieg imut fil-5 ta’Mejju 1983, fl-età ta’ 71 sena. Propju bħal-lum 34 sena ilu. Sarlu funeral fil-Ħamrun u ieħor statali fil-Belt Valletta.



Kien l-ewwel President li laqqa’ lill-awturi u poeti Maltin f’San Anton għax apparti li kien politiku, Anton Buttigieg kien wieħed mill-aqwa poeti Maltin u kien magħruf bħala l-poeta tan-natura. Kien jikteb poeżiji ta’ faraġ u dak li kien iħoss, u waħda mill-iktar poeżija magħrufa hi l-poeżija famuża ‘Il-Kebbies tal-Fanali’.


Kull flgħaxija

Kif mal-għabex

Tnin u tmut saħħet il-jum,

Jiġi Majsi bis-sellum
U jixgħelli taħt it-tieqa
Fanal ċkejken,
li tal-lejl itaffi d-diqa.

Saħħti wkoll 

Qed inħossha tmut kuljum;

Iżda msejkna l-Poeżija,

Kull flgħaxija
Dlonk tixxabbat mas-sellum,
U ġo qalbi
Tixgħel naqra ta’ fanal
Illi jtaffi ftit tad-diqa sa ma jmut ta’ ħajti l-fdal.


Allaħares ma kienx Majri

Illi jagħmel ftit tad-dija;

U ma’ Majsi – allaħares – 

Ma kinitx il-Poeżija.


Dan il-poeta jibqa' msemmi wkoll għall-eleġija 'Niftakar' li fiha jagħti żewġ stampi ta' żewġ avvenimenti importanti f'ħajtu; meta ngħaqad fis-sagrament taż-żwieġ ma' martu u meta kellu jinfired u jidfen lill-maħbuba tiegħu. 



Madankollu, dan il-poeta kien ċajtier ukoll u waħda mill-epigrammi umoristiċi tiegħu hija 'Id-Dubbiena':



Kien ilha nofs ta' nhar tagħraxni f'wiċċi,
u jien b'idejja nxejjer u ngħid le;
fl-aħħar qbadt xugaman, iżda flok lilha,
ilqatt jaħasra, il-kikkra tal-kafè


Kitba: Gino Tanti u Marilyn Mintoff
Ritratti: antonbuttigieg.com
Filmat: MediacastMT



No comments:

Post a Comment