sponsors

Tuesday, 2 May 2017

Ħames prijoritajiet tal-Partit Laburista


Il-Kap tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat elenka ħames prijoritajiet jekk għal darb'oħra jingħata l-fiduċja fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

Tnaqqis fit-taxxi

F'konferenza tal-aħbarijiet, Joseph Muscat jispjega li se jkun qed inaqqas mill-ġdid it-taxxa li jħallsu l-Maltin u l-Għawdxin. B'din il-miżura se jibbenefikaw 190,000 persuna f’Malta fosthom dawk li jaqilgħu l-inqas. Żied jgħid li dawk li huma bil-paga minima mhux se jħallsu taxxa.

Il-minimu ta' tax refund li se jagħti l-Gvern lil dawk eleġibbli huwa ta' €200 u sa massimu ta' €340.  Barra minn hekk, it-taxxa lill-part-timers u għal self-employed tonqos minn 15% għal 10%. Din il-miżura se titgawda minn 28,500 persuna.

It-tieni prijorità hija għall-gradwati tal-Master u tad-Dottorat li se jkunu eżentati mit-taxxa tad-dħul. Dr Joseph Muscst jispjega li filwaqt li min jikseb il-Master se jkun eżentat għal sena, min jikseb il-Phd se jiġi eżentat sentejn.

Żieda fil-pensjoni

It-tielet prijorità li jissemmi Muscat hija ż-żieda gradwali fil-pensjonijiet bi €8 fil-ġimgħa. 'Il fuq minn 91,000 pensjonant se jgawda minn din il-miżura.

Se jiġu rranġati t-toroq kollha ta' Malta u Għawdex, u żieda fil-btajjel pubbliċi

Ir-raba' proposta li Dr Muscat isemmi hi li jwiegħed li jirranġa t-toroq kollha ta' Malta u Għawdex fi żmien seba’ snin. Fl-istess proposta jsemmi wkoll li dawk il-festi pubbliċi li jinzertaw is-Sibt jew il-Ħadd , se jagħtihom xorta t-Tnejn.

Għajnuna lil min se jixtri dar għall-ewwel darba

L-aħħar proposta li jsemmi Dr Muscat hi għal persuni li se jixtru dar għall-ewwel darba. Jispjega li se jgħin lil dawk il-koppji li m'għandhom biex iħallsu d-depożitu. Barra minn hekk, Dr Joseph Muscat wiegħed li se jagħti inċentivi lil min se jixtri t-tieni dar tiegħu.

No comments:

Post a Comment