Saturday, 15 April 2017

"Morna bil-laptops f'żoni fejn qatt ma kienu raw kompjuter f'ħajjithom"


F'ħajti kollha ilni ninnota li n-nies għandhom it-tendenza li jibku l-passat. Jieħdu gost jiftakru b'mod nostalġiku fil-passat, u jeqirdu li l-passat kien żmien aħjar mil-lum, u li d-dinja sejra l-baħar. Fil-fehma tiegħi, dawn it-teoriji ta' "dari konna aħjar" huma gidba faħxija u insult għall-ġenerazzjoni żagħżugħa ta' żminijietna.

Qed ngħid hekk għaliex filwaqt li verament jeżistu żgħażagħ li bil-ħmerijiet li qed jagħmlu, qed iwaqqgħu kull dekor u dinjità li għandha l-ġenerazzjoni tagħhom, ħafna żgħażagħ oħra qed jikkreaw proġetti inkredibbli li pass pass qed ibiddlu d-dinja kif nafuha.

Wieħed minn dawn il-gruppi ta' żgħażagħ iltqajt miegħu fl-aħħar ġimgħat u nistqarr li ma kontx smajt bih qabel. 10 ġuvintur u xebbiet b'kollox. Minn Marsaskala. Isejħu lilhom infsuhom agara Foundation, għaliex fi kliemhom, pass pass qed jippruvaw jimxu ma' nies f'pajjiżi tat-tielet dinja u jgħinuhom jgħixu fid-dinjità li jistħoqqilhom.

Il-fondazzjoni twaqqfet fl-2014 u l-grupp jagħmel speċi ta' missjoni, imma mhux biss billi jipprovdi l-għajxien f'żoni foqra. Mal-ikel u l-ilma, il-grupp jieħu laptops u kompjuters u jintroduċi l-kunċett tal-IT f'dawn il-komunitajiet foqra.

"Illum jekk tkun taf tuża l-kompjuter diġà għandek għodda tajba biex tibda tiżviluppa komunità ċivilizzata," spjegalna wieħed miż-żgħażagħ, "u għalhekk, aħna qed nieħdu l-kompjuters u laptops second hand f'dawn il-postijiet u lin-nies qed nedukawhom fl-IT. B'hekk ikun aktar faċli għalihom li jivjaġġaw lejn bliet aktar żviluppati u jsibu xogħol hemm."

Il-grupp stqarr magħna li ġieli marru f'postijiet fejn in-nies tant kienu foqra, li ma kellhomx idea x'inhu kompjuter. Qatt ma kienu raw kompjuter b'għajnejhom, u allura trid tarahom jogħxew jaraw il-kompjuter jixgħel u jitgħallmu kif jiftħu Word u jibagħtu email.

Fr Luke Cutajar, saċerdot żagħżugħ li jaħdem fil-parroċċa ta' Marsascala u wieħed mil-leaders tal-agara Foundation, stqarr magħna li għalkemm l-esperjenza f'dawn iż-żoni hija iebsa ħafna, ir-rigal li tirċievi minnha huwa prezzjuż wisq.

"Aħna mmorru biex ngħallmuhom, imma ħafna drabi aktar jgħallmuna huma," jgħid Fr Luke bi tbissima. "Għax huma vera ma jistgħux jgħallmuna skola, imma jgħallmuna kif ngħixu ħajja kuntenta."

Is-sena l-oħra, il-grupp mar jagħmel din l-esperjenza f'Calais, fi Franza, u din is-sena firex il-proġett fuq diversi pajjiżi, fosthom ir-Rumanija, il-Lebanon, il-Perù u l-Kenja.

Il-grupp ta' żgħażagħ ta' agara Foundation


Dawn iż-żgħażagħ se jkunu qed iħallu Malta fit-12 ta' Awwissu li ġej, u sadanittant, qed ifittxu ħafna laptops u kompjuters second hand li jistgħu jieħdu magħhom hemm.

"M'hemmx għalfejn ikunu laptops tal-aħħar mudell. F'dawn iż-żoni, in-nies jużaw l-aktar Word u ftit emails, jiġifieri kompjuter li għalina huwa slow u nkunu se narmuh, għalihom ikun b'saħħtu biżżejjed biex jaħdmu tajjeb," spjegalna Stephen Abela, li wkoll huwa wieħed mil-leaders tal-grupp.

Jiġifieri jekk inti jew il-kumpanija tiegħek għandkom xi laptops li m'għadkomx tużaw tista' tikkuntattja lil dawn iż-żgħażagħ fuq www.agarafoundation.org jew inkella billi tagħfas hawn u tidħol fuq il-Facebook page tagħhom.

Qed jistennewk!


Ritratt tal-faċċata: pri.org

No comments:

Post a Comment