top bar

Wednesday, 5 April 2017

"L-eżami kellu jibda fl-4:00pm u fl-4:00pm infetħu l-bibien"


Wara li s-Sibt li għadda diversi studenti ilmentaw dwar l-apparat li ntuża għall-eżami tas-smigħ tal-O Level tat-Taljan, l-istudenti tal-Ispanjol esperjenzaw l-istess problema u barra minn hekk il-bibien infetħu fil-ħin li kellu jibda l-eżami.


Ma’ Xarabank.com.mt, ġenitur ta’ tifel li poġġa għall-eżami tal-Ispanjol il-Ġimgħa li għadda fil-Kulleġġ ta’ De La Salle jgħid li “l-bibien infetħu fl-16:00 meta l-eżami kellu jibda fl-istess ħin u b’hekk uħud mill-istudenti spiċċaw poġġew bilqiegħda fl-16:10.” Jgħid li “minħabba f’hekk dawn l-istudenti ma ngħatawx biżżejjed ħin biex jaqraw il-mistoqsijiet dwar is-silta minn qabel, kif jitolbu l-proċeduri tal-eżami.” Barra minn hekk jispjega li “dakinhar is-sound tas-silta moqrija ma kienx ċar”.
“Xi studenti ma ngħatawx biżżejjed ħin biex jaqraw il-mistoqsijiet għax fetħu l-bibien fil-ħin li kellu jibda l-eżami.”
Jispjega li “bħala ġenitur ressaqt l-ilment tiegħi permezz ta’ imejls varji li bgħatt lid-Direttur tal-Matsec u lill-Kap tat-taqsima tal-lingwi biex issir l-investigazzjoni meħtieġa.” Il-ġenitur jgħid ukoll li “d-Direttur stqarr li l-uffiċjali tal-Matsec kienu ċerti li kulħadd kien f’postu u ssettiljat qabel ma beda l-eżami tas-smigħ, u li fuq il-post kienu preżenti kemm uffiċjali tal-Matsec u eżaminaturi li raw li l-eżami twettaq kif jixraq.” Iżid jgħid li “d-direttur tal-Matsec wiegħed li jagħmel l-investigazzjoni meħtieġa.”
Jispjega li “min-naħa tiegħi nibqa’ nisħaq li dak li stqarr ibni u dak li stqarru studenti oħra li kellimt jiena, kollha kkonfermaw dak li stqarr ibni, jiġifieri li s-sound ma kienx ċar u li mhux l-istudenti kollha ngħataw iċ-ċans jaraw il-mistoqsijiet minn qabel.”

No comments:

Post a Comment