Monday, 10 April 2017

“Kont diġà qed nara lili nnifsi maqful f’ċella” – kantant Malti miżmum fir-Russja


Il-kantant Malti Kurt Cassar jirrakkonta li fl-aħħar sigħat għadda minn trawma f'ajruport fir-Russja meta spiċċa miżmum u interrogat ħdejn persuni li kienu qed jinżammu arrestati fuq suspett ta’ terroriżmu.

Kurt kien ġej lura Malta wara li ġie mistieden ikanta f'festival prestiġjuż fil-belt kapitali Russa, Moska. Fuq post li tella' fuq Facebook, Kurt qal: "Minħabba li kont se nivjaġġa lura lejn Malta waħdi, mort l-airport kmieni ħalli nilħaq nagħmel iċ-check-in bil-kwiet." Jgħid li wara li għamel iċ-check-in u għadda mill-proċessi tas-sigurtà, kien għad baqagħlu sagħtejn u nofs oħra jistenna biex jirkeb l-ajruplan, u għalhekk iddeċieda li joħroġ ipejjep sigarett.

"Staqsejt membru tas-sigurtà jekk kienx hemm post fejn nista' npejjep iżda bis-suppervja kollha qalli le," jispjega Kurt. Tkellem ma' impjegata oħra tal-ajurport u qaltlu li seta' joħroġ ipejjep, imma wara li jpejjep ried jerġa' jgħaddi mill-proċeduri kollha tas-sigurtà. Hekk għamel. Ħareġ ipejjep, u x'ħin ġie lura biex jerġa' jgħaddi mis-security beda l-għawġ.

Jirrakkonta li resqet membru tas-sigurtà fuqu, ħaditlu l-passaport u l-boarding pass u qaltlu biex jimxi warajha.

"Dak il-ħin iffriżajt. Naf x'sigurtà hemm bħalissa fir-Russja, iżda kont naf ukoll li ma kellhomx għalfejn jaħsbu ħażin fija," jgħid Kurt. Jirrakkonta kif din l-uffiċjal tas-sigurtà mexxietu tul kuritur twil u daħħlitu f'kamra vojta li fiha kien hemm xi uffiċjali oħra. U jgħid: "Dan il-ħin iġġennint u bdejt nibkilhom biex jgħiduli x'ġara, imma bdew jinjorawni."

Dak kien għadu mhux biżżejjed. Sakemm qiegħed jistenna, Kurt skopra li l-persuni l-oħra li kienu qed jinżammu arrestati f'dik il-kamra miegħu, kienu qegħdin hemm fuq suspett ta' terroriżmu, għax ippruvaw jgħaddu mill-ajruport b'dokumenti foloz.

Dak il-ħin, Kurt qabad il-mobile u beda jibgħat messaġġ lil oħtu, imma l-uffiċjali ħadulu l-mobile. "Rawni qed nibgħat messaġġ lil oħti u ħaduli l-mobile u nfqajt nibki bħal tarbija. Bdejt nara kif jien, li kont innoċenti, kont qed nieħu dawn it-terturi kollha minflok sejjer lura Malta bil-kwiet."

Ikompli jirrakkonta kif wara ftit tal-ħin il-biċċa kibret, għaliex ġew żewġ pulizjia u arrestaw lil żewġ irġiel li kien hemm ħdejh. "Dak il-ħin kont diġà qed narani maqful f'ċella," jgħid Kurt.

Wara xi nofs siegħa, l-istess uffiċċjal tas-sigurtà li kienet ħaditlu l-affarijiet, dehret ġejja lura "friska bħal ħassa" u tatu d-dokumenti u l-mobile u qaltlu biex jerġa' jgħaddi mill-proċedura tas-sigurtà u jġib boarding pass ġdid.

Imma anke hemm, l-istorja kienet għadha ma spiċċatx, għaliex waqt li kien qed jerġa' jgħaddi mis-security, wieħed mill-uffiċjali tal-passaporti beda jagħmillu interrogatorju biex jara għalfejn kien daħal ir-Russja. U Kurt beda jispjegalu li kien mar ir-Russja għan-New Wave Music Festival. L-uffiċjal ma kienx kuntent u talbu jurih prova ta' dan.

"Għall-grazzja t'Alla kelli kopja tal-invit formali li kien bagħtli l-kumitat organizzattiv biex nitla' għas-semifinali u wara siegħa niċċassa lejh ħallieni ngħaddi," jirrakkonta Kurt.

Meta wasal lura Malta, Kurt sab sapport kbir mill-uffiċjali tal-ajruport ta' Malta u saħansitra offrewlu biex jgħaddu lment dwar dak li kien ġara. Imma Kurt ma xtaqx li jkabbar l-istorja.

Kurt issa wasal lura Malta qawwi u sħiħ u jinsab konvint li din l-istorja mhix se taqtagħlu qalbu milli jkompli jaħdem biex jagħmel suċċess fl-industrija tal-mużika. Fil-fatt, ftit ġimgħat oħra se jkun qed jerġa' jitla' jkanta r-Russja. Minn qalbna, nawgurawlu.

"Wara li għadda kollox tgħidx kemm inħraqt li waqajt għal sigarett, għax jien ma npejjipx ħafna, u ma tantx naqa' għas-sigaretti," qalilna Kurt meta tkellimna miegħu.

Ma kienx sigarett li fettillek tmur tpejjep Kurt!


Ritratt tal-faċċata: Stefan Stafrace

1 comment:

  1. from mistake you learn mostly russia and this type of countrys

    ReplyDelete