top bar

Wednesday, 5 April 2017

Kawża tal-kanċer, Puttinu jlaqqa’ lil Martina u lil Jerome flimkien



Bil-marda tal-kanċer, Puttinu laqqagħhom flimkien u l-imħabba li għandhom lejn xulxin tibżoq il-ġlieda li għadu qed jiġġieled Jerome mal-kanċer.


Kienu ilhom ħbieb sentejn u 8 xhur. It-tim ta’ Puttinu kien jgħidilhom li qegħdin flimkien imma fil-verità qatt ma kien hemm xejn bejniethom.

L-imħabba sabiħa ta’ bejniethom nibtet f’Lulju li għadda meta Jerome beda jħoss ċertu affarijiet lejn Martina. F’intervista ma’ Xarabank jistqarr “ma kontx ċert jekk dak li kont qed inħoss kien vera jew le u allura ħallejt ftit ta’ żmien jgħaddi biex nara x’se jiġri minn dak li bdejt inħoss u inzerta li dak li bdejt inħoss lejn Martina kompla jikber."

Fid-9 ta’ Lulju Jeroma jispjega li “dakinhar kelli naqta’ l-kundanna ta’ kif taħsibha fuqi u ddeċidejt li nsaqsiha.” Bi tbissima fuq fommu jgħidilna li qalilha, “Martina hemm xi ħadd iridek. X’taħseb?”

Martina tistqarr li “kont persuna determinata ħafna li ridt nibqa’ waħdi għax peress li tlift lil ommi bżajt li ndaħħal persuna oħra qrib tiegħi minħabba l-biża’ li nitlef persuna oħra.” Min-naħa l-oħra Jerome jkompli jirrakkonta li “ma ħallejthiex tistenna ħafna u għedtilha li kont jien li rridha u għal mument inħasdet.” Martina tispjega li “ma nafx kif għedt iva u ma jiddispjaċinix. Anzi mnalla għax ħajti nbidlet iktar.”

Issa ilhom joħorġu flimkien 9 xhur u Jerome jistqarr li “l-marda hija dik il-ħaġa li resqitna viċin xulxin u naqblu ħafna għaliex nistgħu nifhmu lil xulxin.” Iżid jgħid li “Martina kellha tkun it-tfajla għalija u hija l-unika tfajla mit-tfajliet li ltqajt magħhom li tifhimni u dik l-ewwel ħaġa li ġibditni. Jispjega li “kont ngħid lili nnifsi, ara din it-tfajla kemm tħobbni, kemm taħseb fija, kemm tinkwieta għalija u tieħu ħsiebi, minkejja li dak iż-żmien konna għadna ħbieb biss.”

Jerome għadu għaddej bit-trattament u jispjega li minkejja “ma fiqtx, però mixjin u nibqa’ niġġieled kuljum.” Martina tispjega li wara li għaddew ħames snin, il-persentaġġ li jerġa’ joħroġ il-kanċer tagħha naqas ħafna u “ħadt ir-ruħ meta għaddew il-ħames snin għax lil ommi ħarġilha wara erba’ snin u bżajt li jiġrili bħalha.”

Jerome u Martina jibżgħu ħafna għal xulxin. Jerome jispjega li “meta tgħidli qed tħoss sintomu ta’ uġigħ ta’ ras jew tħossha iktar għajjiena mis-soltu, awtomatikament nibda naħseb fil-ħażin.” Jistqarr li “nħobbha ħafna u ma rridx nitlifha bl-ebda mod.” Iżid jgħid li “kull sintomu żgħir sirt nassoċjah ma’ xi ħaġa gravi u allura tant kemm ma rridx nitlifha li għal dawk l-affarijiet li ma jkollix għalfejn ninkwieta għalihom, ninkwieta għalihom iżżejjed.”

Bi mħabba kbira jispjega “li kieku mhux marid nista’ noffrilha iżjed u nagħmel ħafna iżjed għaliha.” Jispjega li fiżikament huwa l-limitat minħabba li xi drabi jkun l-isptar u jkollu demm baxx. Iżid jgħid li “kieku m’għandix dawn l-affarijiet nista’ nkun normali magħha u nista’ naqbad u neħodha fejn tixtieq. Però nagħmel ħilti u hi tikkoreġini meta niskuża ruħi għal dawn l-affarijiet u għalhekk naddattaw għaċ-ċirkostanzi.”

"Li kieku mhux marid nista' nista' noffrilha iżjed u nagħmel ħafna iżjed għaliha"
Jerome jispjega li "l-ħsieb tal-mewt jgħaddi minn moħħi kuljum u kull darba li joħroġ il-kanċer, il-mewt dejjem issir iktar possibbli." Jistqarr li "mill-mewt ma nibżax imma nibża' li nħalli n-nies warajja, fosthom Martina li offriet l-imħabba kollha tagħha lejja u ħadet riskju wara l-esperjenza ta' ommha u tagħha stess." Iżid jgħid li "nitlob lill-Mulej biex ma jeħodnix u jħallini magħha għax din saħħa fetħet imħabbitha lejn xi ħadd, li hu jiena." Isostni li "nippreferi nibqa' marid u nibqa' ma' Martina."
"Nippreferi nibqa' marid u nibqa' ma' Martina."
Jispjega li “l-affarijiet aħna napprezzawhom u meta nqumu nirringrazzjaw lil Alla għax hemm min ma qamx.” Jgħid li “minkejja li għaddej mit-trattament u xi drabi nqum bl-uġigħ u nibża’ mill-mewt, xorta ngħid illum qomt u ngħid għala għandi nibża’ minn dak li jista’ jiġri minn għada għax li qomt illum dan huwa miraklu ieħor.”

Jerome jispjega “li nitlobu waħedna għax it-talb tagħna huwa intimu ma’ Alla u nħossuna iktar komdi nitolbu waħdena ħalli toħroġ il-konverżazzjoni li nkunu rridu noħorġuha ma’ Alla.” Jerome jispjega li “mill-ewwel darba li mort il-Madonna ta’ Pinu, ħassejt xi ħaġa lejn il-Madonna li ma nistax niddeskriviha għax pjaċir enormi u fl-istess ħin nħoss ċertu relessament u ċerta serenità.” Jistqarr li “minn dakinhar ’il hawn bqajt insir iktar devot lejha tant li aħna ta’ spiss mmorru Għawdex għal ta’ Pinu biss u nerġgħu ninżlu.”

Meta mistoqsijin dwar Puttinu, Martina spjegat li jfisser ħafna għaliha u li kieku ma kienx għalih ma kienx ikollhom fejn joqgħodu hi u missierha meta telgħet l-Ingilterra għall-kura. Issotni li "Puttinu huwa l-anġlu li għenni u m'hemmx kliem biex ngħidulu grazzi." Min-naħa l-oħra Jerome jistqarr li meta marad, "dħalt f'ħofra mudlama u Puttinu huwa dak id-dawl li jiggwidak sakemm tħaffer u terġa' toħroġ minn dik il-ħofra." Bi tbissima jgħid li għenu wkoll finanzjarment, fiżikament u "għenni niltaqa' ma' Martina." Żied jgħid li "kieku ma mradtx u ma ltqajtx ma' Puttinu, kieku ma kontx niltaqa' ma' Martina.''

 

Ritratt tal-faċċata: Martina u Jerome

No comments:

Post a Comment