Monday, 24 April 2017

Jekk se tgħum attent minn dawn il-bram!

Ritratt: The Malta Independent


Is-sajf huwa ftit xhur biss 'il bogħod minna u issa nibdew nħabblu moħħna fejn se mmorru ngħumu biex nevitaw il-bram, iżda aħna ħsibna fik.



Jekk ma tridx tispiċċa b'marka ta' brama fuqek, aħrab minn dawn il-ħamest ibram:

1. Pelagia Noctiluca (Scyphozoa)


Ritratt: Carnivora Forum

Din hija brama li hija rritanti ħafna u l-iżvantaġġ tagħha hu li ma tistax teħles minnha għax tidher is-sena kollha. Fi kliem sempliċi, oqgħod attenta minnha! Tiċċumbaha mill-kulur tagħha għax qisu fil-vjola u fir-roża. Barra minn hekk, l-iktar staġun riproduttiv tagħha huwa r-rebbiegħa imma tinkwetax iżżejjed għax kulma għandha sentejn biss ħajja.




2. Carybdea Marsupialis (Cubozoa)


Din tirritak ħafna, frekwenti u taraha bejn is-sajf u l-ħarifa. Din il-brama jekk tniggżek, lesti ruħek għal ħafna uġigħ. Tagħrafha għaliex hi forma ta' kubu iżda min-naħa l-oħra mhux faċli daqshekk li tinduna biha mill-ewwel għaliex għandha kulur trasparenti li jxaqqleb lejn il-blu u l-abjad.



Ritratt: cubomed.eu/en/lifecubomed/carybdeai

3. Olindias Phosphorica (Hydrozoa)


Is-'sabiħ' ta' din il-brama, jekk nistgħu ngħidu hekk, hu li mhijiex daqshekk frekwenti. Però jekk tilmaħha bejn is-sajf u l-ħarifa, u tigdmek se twaħwaħ għaliex irritanti ħafna! Minkejja li hija trasparenti, tinduna biha għaliex hija mdawra minn swaba' żgħar bluni jew ħomor jgħajtu.



Ritratt: flickr.com

4. Cotylorhiza Tuberculata (Scyphozoa)



Ritratt: Carnivora Forum

Filwaqt li din il-brama ma tirritakx daqshekk, min-naħa l-oħra xorta trid toqgħod b'seba' mitt għajn għaliex frekwenti ħafna. U jekk tmur tgħum bejn Lulju u Ottubru, iktar biċ-ċans li tinzertaha. Tipika ħafna għall-kulur tagħha għaliex qisu fil-kannella u fl-isfar, u għandha nefħa kbira fiċ-ċentru kulur oranġjo skur. Bilħaqq, jekk tinzerta kavall fil-baħar mnejn tilmaħha għax ta' spiss jakkumpanjaw lil xulxin.



5. Aureila (Scyphozoa)



Ritratt: blog.fundacionmontemadrid.es

Issa tista' tieħu nifs fil-fond! Wasalna għall-aħħar brama li għandek toqgħod attenta minnha! Fir-rebbiegħa se taraha iżjed mis-sajf, iżda jekk tinzertaha fuqek m'għandekx għalfejn tqatta' xagħrek għax kulma tirritak ftit biss. Din hija trasparenti u jekk għandek kurżità li l-għala jisimha Aureila, se tkun taf ukoll. Jisimiha Aureila biex tidentifika grupp ta' bejn 13 u 15-il speċi iżda aħbar tajba hi li minn dawn kollha il-baħar Mediterranju jospita tlieta minnhom biss.


Sabiex tmur tgħum bil-kwiet u mhux b'rasek mimlija li se tinzerta xi brama fil-baħar, bħalissa għaddejja l-kampanja li dieħla għat-tmien sajf konseguttiv bl-isem ta' Spot the Jellyfish. Fil-ġimgħat li ġejjin ser jitnieda mudell li juri t-tixrid tal-bram fl-ibħra Maltin u dan se jieħu post it-tabelli tal-kampanja preċedenti. Jekk trid tkun taf iżjed dwar dan, nissuġġerilek li tagħfas hawnhekk.

No comments:

Post a Comment