Tuesday, 11 April 2017

Issa għamlu 'Tinder' anke għall-ommijiet u t-trabi



Ħa nibdew minn hawn...Tinder taf x'inhu? Jekk taf, il-paragrafu li ġej aqbżu u kompli aqra mit-tielet paragrafu. Jekk ma tafx, ħa ngħidulek. Imbagħad se ngħidulek x'ivvintaw!


Tinder hija app li tgħinek tiltaqa' ma' nies li jinteressawk. L-app tuża l-profil tal-Facebook tiegħek u inti tgħidilha kemm għandek żmien u jekk hux qed tfittex irġiel jew nisa, u l-app issiblek in-nies li taħseb li jinteressawk u li huma bejn wieħed u ieħor tamparek u tgħidlek kemm qegħdin ’il bogħod minnek. Ħafna nies jużawha biex jiltaqgħu ma' tfajla jew ġuvni, u hemm min bi kritika jgħid li din l-app inħolqot speċifikament biex tagħmilha aktar faċli li tagħmel is-sess, għax issiblek in-nies li jogħġbuk u tgħidlek eżatt fejn huma, ħalli inti kemm tikkuntattjahom u tiftehmu fejn se tiltaqgħu biex iċċekċku.

Però kien hemm min sab użu ġdid għall-kunċett ta' Tinder. Xi ommijiet ivvintaw l-app jisimha Mush, li tuża l-istess kunċett ta' Tinder, imma hija mmirata li tlaqqa' flimkien ommijiet bit-tfal żgħar tagħhom. L-idea tagħha, ovvjament, mhix li l-ommijiet jew it-tfal iċekċku (kif forsi qed jaħsbu xi nies b'moħħhom maħmuġ bħalissa). Il-punt tagħha hu li aktar ġenituri jiltaqgħu flimkien u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom flimkien, filwaqt li t-tfal tagħhom jiltaqgħu, jilagħbu u jagħmlu ħbieb flimkien.

In-nies li vvintaw l-app qed jgħidu li minkejja li tkun omm hija xi ħaġa meraviljuża, hija wkoll biċċa xogħol iebsa, u jekk tkun omm faċli tħossok li qed taqdef waħdek f'dan l-irwol. Għalhekk, huwa sabiħ li tiltaqa' ma' ommijiet oħrajn li qegħdin fil-viċinanzi tiegħek biex tinduna li mintix waħdek. U flimkien titkellmu u ssibu soluzzjonijiet għal xulxin.

Din l-App twieldet wara li żewġ ommijiet jisimhom Sarah u Katie ltaqgħu darba waranofsinhar f'bitha. It-tnejn li huma kellhom tarbija fi żmien meta kellhom tarbija oħra li għadha kemm telqet timxi. It-tnejn li huma żammew kumpanija lil xulxin f'mumenti diffiċli u sbieħ, u għalhekk ġiethom din l-idea li jinvolvu ħafna aktar ommijiet f'dil-ħaġa.

Issa ovvjament nistennew ħafna kummenti ta' rġiel li huma missirijiet u li huma rrabjati għax jippretendu li tinħoloq app biex huma wkoll jiltaqgħu ma' rġiel missirijiet oħra, u forsi jieħdu lit-tfal tagħhom sal-każin waqt li jgħidu kelma u jixorbu flixkun birra.

Insomma, aħna naħsbu li din kollha hija idea vera tajba, però hemm mistoqsija li toħroġ minnha: Jekk din l-app taħdem kemm għall-ommijiet u għall-missirijiet, jista' jkun li l-missirijiet jibdew jużawha biex jiltaqgħu ma' ommijiet li mhumiex in-nisa tagħhom, u jinbtu relazzjonijiet li jkomplu jkissru l-familji, flok jgħaqqduhom? U viċi-versa, ovvjament, għax anke l-ommijiet jistgħu jfittxu missirijiet li mhumiex l-irġiel tagħhom.

Inti x'taħseb? Ikkummenta hawn taħt!

No comments:

Post a Comment