sponsors

Wednesday, 26 April 2017

Il-President tiffirma 'l fuq minn 60,000 ittra, waħda waħda, b'idha



Minn wara l-Istrina, il-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca ffirmat 'il fuq minn 60,000 ittra, waħda waħda, b'idha.


Ma' Xarabank il-President tispjega li dawn l-ittri qed tiffirmahom waħda waħda b'idha u issa qed tiffirma 40,000 oħra biex tibgħathom fl-iskejjel għat-tfal li taw id-donazzjoni tagħhom fil-piggy bank. Tistqarr ukoll li kull żewġ minuti li jkollha toqgħod tiffirma dawn l-ittri għaliex ħadulha u qed joħdulha ħafna ħin.

Tispjega li hi ma riditx tibgħatilhom il-firma stampata, anke jekk illum tista' tidher qisha ta' veru, imma riedet li l-firma tkun oriġinali. Wara li kienet diġà ffirmat 'il fuq minn nofshom, darba kellha laqgħa li fiha kien hemm Charles Miceli tal-Alleanza kontra l-Faqar. "U hu salvani" tgħid il-President. Tirrakkonta kif matulha kienet qed tiffirmahom u huwa staqsieha: "Għala qed tiffirmahom 'Marie-Louise Coleiro Preca'? Għaliex ma tiffirmahomx 'Marie-Louise' biss?" Il-President qaltlu: "Fil-fatt jiena iktar nieħu pjaċir li kieku niktibilhom 'Marie-Louise'." U minn dak il-ħin il-President naqsilha nofs ix-xogħol u r-ritmu miexi b'rata mgħaġġla wkoll!

Tispjega li minkejja l-pariri li ngħatawlha biex taqbad u tistampahom, "iddeċidejt li ma nagħmilx hekk għax jiena wegħidt li l-ittri jkunu ffirmati minni." Ittemm tgħid li "l-prinċipju tiegħi huwa illi min ta €10,000, €1,000 jew €1 xorta nibgħatlu ittra. Napprezza kull donazzjoni għax naf li tkun ġejja mill-qalb."

Fl-uffiċċju tal-President għadhom sa issa jċemplu n-nies li għadhom ma rċevewx l-ittra. Waħda mit-tim tal-President tgħidilna: "tiskanta n-nies kemm apprezzaw li l-President kitbitilhom u ffirmatilhom l-ittra, u tiskanta kif jibqgħu jinsistu li jirċevuha. Hija ħaġa sabiħa ħafna."

No comments:

Post a Comment