top bar

Tuesday, 11 April 2017

Ikaxkruh ’il barra minn fuq l-ajruplan, avolja kellu s-'seat' ibbukkjat


Fl-aħħar sigħat fuq l-internet feġġ dan il-filmat xokkanti ta' raġel qed jiġi mkaxkar ’il barra minn fuq ajruplan minn żewġ membri tas-sigurtà. Il-fatt li qed jiġi mkaxkar b'dak il-mod diġà huwa xokkanti, però meta ssir taf ir-raġuni għala kaxkruh ’il barra se tixxokkja ruħek aktar.
Xi nies li kienu fuq l-ajruplan qalu li t-titjira kienet overbooked, u mhux bi żball, imma apposta. Din il-linja tal-ajru Amerikana, li jisimha United Airlines, flimkien ma' linji oħra tal-ajru madwar id-dinja ta' spiss jibbukkjaw aktar nies milli jiflaħ l-ajruplan fuq titjira waħda.

Ir-raġunament wara din il-miżura hija li ħafna drabi jkun hemm nies li jibbukkjaw it-titjira, imma dakinhar tat-titjira ma jitfaċċawx. Għalhekk, xi linji tal-ajru jibbukkjaw aktar nies milli jiflaħ l-ajruplan biex jekk ikun hemm xi nies li jitfaċċawx dakinhar tat-titjira, l-ajurplan jimtela xorta bin-nies li jkunu overbooked, u b'dak il-mod, il-linja tal-ajru ddaħħal aktar flus mill-istess titjira.



Imma l-problema tinħoloq meta n-nies li jibbukkjaw it-titjira jiġu kollha, kif ġara f'dan il-każ. Dan ikun ifisser li l-ekwipaġġ tal-ajruplan irid jitfa' xi nies ’il barra, għaliex skont il-liġi internazzjonali, fuq l-ajruplan ma jistax ikollok nies aktar milli għandek siġġijiet. Skont il-liġi wkoll, meta jiġri hekk, l-ekwipaġġ għandu joffri kumpens lil dawk li jkunu lesti li jinżlu mill-ajruplan biex jagħmlu l-wisgħa għal ħaddieħor.

Minkejja l-konfużjoni u r-reputazzjoni ħażina li toħloq din is-sistema, xi linji tal-ajru xorta jagħżlu li jagħmluha, għax il-flus li jaqilgħu mill-bookings żejda ikkumparati mal-flus li jagħtu f'kumpens huma ċuċata.

F'dan il-każ, jidher li l-ekwipaġġ hekk għamel. Din kienet titjira interna fl-Amerka li kellha titlaq minn Chicago għal Louisville. U qabel ma telqu, il-membri tal-ekwipaġġ offrew kumpens ta' 800 dollaru u lejl b'xejn f'lukanda lil dawk li kienu lesti li jinżlu mill-ajruplan u jaqbdu ajruplan ieħor l-għada, imma ħadd ma offra li jinżel, u għalhekk kellhom jibdew jagħżlu n-nies bl-addoċċ u jordnawlhom li jħallu l-ajruplan, iridu jew ma jridux.

Dan ir-raġel li fil-filmat jidher jitkaxkar ’il barra mill-ajruplan kien wieħed minn dawk l-isfortunati li ġew ordnati biex jinżlu mill-ajurplan. Madanakollu jidher li r-raġel irrifjuta li jinżel u baqa' jiġġieled biex ma jinżilx.

Xi nies li kienu fuq l-ajruplan qalu li r-raġel beda jgħidilhom li ma jistax jinżel minn fuq l-ajruplan għaliex huwa tabib u jrid imur jara xi pazjenti.

Meta raw li ma jridx jinżel, l-ekwipaġġ tella' żewġ membri tas-sigurtà fuq l-ajruplan, u dawn litteralment qalgħu lir-raġel minn postu u kaxkruh matul il-kuritur tal-ajruplan kollu sakemm ħarġuh ’il barra mill-ajruplan. Ir-raġel ma għamel l-ebda sforz biex jiċċaqlaq, allura baqa' jitkaxkar fejn joħduh huma.

In-nies fuq l-ajruplan kienu xxukkjati meta raw dan kollu u kien hemm mara li fil-filmat tinstema' tgħid: "Oh my God what are you doing?! No...this is wrong oh my God look at what you did to him!"

Din l-istorja ġrat wara li tliet ġimgħat ilu, tliet tfjaliet ma tħallewx jitilgħu fuq titjira tal-istess linja tal-ajru minħabba li kienu lebsin il-leggings.

Il-linja tal-ajru United Airlines skużat ruħha għall-inċident.

Ritratt: AOL.com
Filmat: NowThis

No comments:

Post a Comment