sponsors

Wednesday, 5 April 2017

"Ibni kellu jitla' t-taraġ għarkupptejh"


“Ma tani l-biki meta qaluli li l-lift ma jitlax sat-tieni sular.”

Dan kien il-kliem ta’ omm tifel ta’ 15-il sena li juża s-siġġu tar-roti. Ma’ Xarabank.com.mt l-omm tispjega “li t-tifel kellu ħarġa fi skola li tinsab Ħad-Dingli.” Tgħid li “ma kellux problema biex jitla’ l-ewwel sular għaliex għamel użu mil-lift.” Però b’dispjaċir tgħid li “l-lift ma jitlax sat-tieni sular u allura t-tifel kellu jitla’ t-taraġ għarkupptejh biex ikompli bil-ħarġa.”

Tispjega li “t-tifel qalilha li tah il-biki meta qalulu li l-lift ma jitlax sat-tieni sular u spjegalha wkoll li l-iskola mhijiex waħda antika anzi li hija ġdida fjamanta.”  Spjegat li “meta kien l-primarja wkoll kien hemm problema ta’ aċċessibbiltà fl-iskola li kien imur hu għax ma kienx hemm lift u kien jieħu dawra itwal biex jasal f’ċerti postijiet.” Iżid tgħid li “wara li telaq ibni għamluh il-lift u wara rrealizzajt li kieku għamiltilhom ftit pressjoni kienu jagħmluh. Għalhekk l-iskejjel ġodda kollha għandu jkollhom lift.”
 
Barra minn hekk tispjega li “meta kien iżgħar u kien ikollu xi ħarġa ma’ tal-iskola kemm-il darba kien jgħidli li ma telax f’ċerti postijiet għax ma kienx hemm lift.” L-omm isostni li “min jorganizza dawn il-ħarġiet għandu jiċċekkja qabel jekk hemmx aċċessibbiltà u mhux tasal il-ġurnata tal-ħarġa mbagħad ibni jispiċċa ma jkunx jista’ jmur f’ċertijiet postijiet.” 

Isostni li “jiena mhux qed nitkellem għat-tifel tiegħi biss imma għal tfal oħra għax ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Qegħdin fl-2017 u għadhom isiru dawn l-affarijiet inġusti u tal-mistħija.” 

L-omm tistqarr li “jiddispjaċini għaliex nagħmel dak kollu li huwa possibbli biex ibni jgħix ħajja normali u mbagħad insib xi ħaġa bħal din li twaqqgħek ħażin.” Isostni li “l-għajta tiegħi hija għall-awtoritajiet ikkonċernati biex jieħdu azzjoni u mhux wara li tinqala’ problema jistaqsu: “Issa x’ħa nagħmlu?” Tistqarr li “tfal bħalma hu t-tifel tiegħi għandhom jiġu apprezzati u milqugħa kullimkien u minn kulħadd.” 

2 comments:

  1. Ghanda ragun biex tbieh din I'll Mara, skola gdida u bla lift, Tal mishija u kontra I'll ligi! Mela biex tiftah Hanut jew officu trid tkun accessible umbat skola gdida le?

    ReplyDelete
  2. Ghanda ragun biex tbieh din I'll Mara, skola gdida u bla lift, Tal mishija u kontra I'll ligi! Mela biex tiftah Hanut jew officu trid tkun accessible umbat skola gdida le?

    ReplyDelete