Friday, 14 April 2017

Dawn aħwa, u ta' sentejn, waħda minnhom tat il-mudullun lill-oħra

Ritratt: Kylie u Hayley
Kylie tbati minn kundizzjoni rari ħafna. Din il-kundizzjoni taffettwa lil persuna minn kull żewġ miljun ruħ.

Kylie kellha 6 snin, meta oħtha Hayley ta’ sentejn tatha l-mudullun. U tista' taħseb kif kienet ommhom, l-isptar, biż-żewġ uliedha t-tnejn qed jagħmlu operazzjoni serja fl-istess ġurnata.

Ilejla waqt Xarabank ommhom tgħid: “Meta sirna nafu li kellha bżonn trapjant, kellna nsibu donatur, u fil-fatt kienet oħtha stess, li dak iż-żmien kellha sentejn.” Iżżid tgħid li “bis-saħħa tagħha ġiet imfejqa.”

Kylie kellha bżonn ukoll trapjant tal-fwied. L-omm tistqarr li “dik il-ħaġa li tgħidli mummy muġugħa u ma tista’ tagħmel xejn, kerha.” Tispjega li “ħlief nagħfasilha u nżommilha jdejha,  ma nista’ nagħmel xejn iktar.” Iżżid tgħid li kienet muġugħa u dik il-ġurnata ninsieha rrid.

Ritratt: Kylie
Darba Kylie qalet lil ommha: “Imma jiena x’għamilt ħażin biex ġrali hekk? Qgħadt pastaża? Imma għalfejn ġrali hekk?"

Fl-Ingilterra, Kylie qalbet għall-agħar u daħħluha fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. L-omm tispjega li t-tobba “jiġu jgħidulek li ma nafux jekk se tqumx bi problemi f’moħħha. Qisek dik il-ħaġa li tistenna, tistenna sakemm tqum naħseb li hi l-agħar ħaġa.” 

Kylie damet disat ijiem biex qamet. L-Ingilterra damu aktar minn sena biex Kylie tingħata l-kura. Dwar dan l-omm tgħid li “minn ġimgħa għal ġimgħa tistenna li jgħidulek li kollox sew, tista’ tinżel.”

“Uliedi huma kollox, huma ħajti,” tgħid l-omm. Illum Kylie qed tagħmel progress kbir u miexja ’l quddiem.

Is-sena l-oħra Kylie ma setgħetx tkun f’Xarabank għall-ġbir b’risq Puttinu u l-omm tispjega li “konna rajnieh mill-Ingilterra u Kylie kienet veru kburija turi lill-infermiera l-programm, tant li kull infermiera li tidħol kienet tgħidilhom li huwa l-programm li jiġbru 'għal tfal bħali.'” 

Kylie u Hayley flimkien ma' ommhom
Tista' l-filmat hawn taħt:

No comments:

Post a Comment