sponsors

Thursday, 13 April 2017

Dan il-pulizija telaq il-karozza f'parkeġġ tad-diżabilità


Int u tara dar-ritratt probabilment qed tgħid: "Mela għax dan pulizija jipparkja fejn irid? Ara li kieku pparkjajt jien, kont insib xi ċitazzjoni mwaħħla mal-windscreen!"

Wieħed mill-qarrejja tal-blog ta' Xarabank bagħatilna dan ir-ritratt biex jilmenta dwar "l-irresponsabbiltà ta' dan il-pulizija." Imma jista' jkun li l-pulizija ma kienu qed jagħmlu xejn ħażin meta ħallew il-karozza hemm.


Aħna tkellimna mal-avukat Dr Ramon Bonett Sladden dwar dan u staqsejnih jekk il-pulizija għandhomx dritt li jipparkjaw hekk.

Dr Bonett Sladden qalilna: "Jiddependi mis-sitwazzjoni, għax jekk il-Pulizija marru jixtru, għall-argument, il-pastizzi, mod, u jekk waqfu hemm verament għal emerġenza minħabba s-sigurtà tal-pubbliku, mod ieħor."

L-avukat spjegalna li dan huwa każ bħal tal-ambulanza. Meta tkun fi triqitha għal xi ħadd li qiegħed fi stat ta' emerġenza, l-ambulanza wkoll tikser il-liġijiet u wkoll ikollha toħloq inkonvenjent pubbliku, għax il-karozzi kollha jkollhom iwarrbulha. Imma bħala ċittadini nifhmu li dak il-ħin irridu nagħtu prijorità lil min qiegħed fil-periklu.

"Jiġifieri ma nafx f'dan il-każ il-pulizija kinux qegħdin ipparkjati hemm b'kapriċċ jew kinux qegħdin hemm għax vera kellhom emerġenza," temm jgħid Dr Bonett Sladden.

No comments:

Post a Comment