sponsors

Thursday, 6 April 2017

"Bl-armi kimiċi l-ewwel li ma jmutu huma t-tfal" - Dr Frank Portelli



Din il-ġimgħa l-aħbarijiet kienu ddominati minn filmati ta' tfal bla ħajja wara li nqatlu minn attakk kimiku fis-Sirja. 



Ma' Xarabank, it-Tabib Frank Portelli jispjega li f'sitwazzjonijiet bħal dawn, "l-ewwel li ma jmutu huma t-tfal minħabba li huma iqsar mill-adulti u jieħdu n-nifs aktar fil-baxx. L-adulti jmutu wkoll imma jdumu aktar." Dr Portelli jgħid li "dawn l-armi ma jistgħux jintużaw lanqas fil-gwerra u l-Ġnus Magħquda kienet ħarġet protokoll illi ġie ffirmat minn 60 pajjiż li jgħid li ma jistgħux jintużaw għax joqtlu lil kulħadd."

Dr Portelli jgħid li "din toqtol lil dawk kollha li jkunu fil-post li fih intefgħet il-bomba u huma rħas biex tagħmilhom." Iżid jgħid li "hemm ħafna tipi u minbarra li kollha huma projbiti lanqas suppost jiġu mmanifatturati, aħseb u ara kemm tista' tużahom."

Jispjega: "l-iktar waħda li naħseb ħafna nies semgħu biha hija l-mustard gas li jaħarqek minn ġewwa, però llum hawn żewġ tipi li għadhom jintużaw u huma kontra l-liġi tal-Ġnus Magħquda; is-sarin u l-vx." Jgħid li "dawn it-tnejn jaħdmu billi jipparalizzaw in-nervituri tal-bniedem." 

Dr Portelli jitkellem dwar is-sarin u jgħid "li dan huwa l-iktar wieħed li jintuża f'dawn il-gwerer. Dan imur mill-ewwel fl-arja u kif tieħu n-nifs jibda jipparalizzalek in-nervituri u l-muskoli li bihom tieħu n-nifs." Iżid jgħid li "allura inti tispiċċa tmut billi tifga għaliex inti qed tipprova ddaħħal l-arja fil-pulmun u ma tistax." Isostni li "din hija mewta terribbli u trid bejn żewġ minuti u massimu ta' għaxar minuti biex tmut." Jispjega li "l-persuna tkun taf li qed tmut għaliex moħħha jkun għadu konxju, tkun taf x'qed jiġri, x'qed tara u x'qed tisma' u tħoss li hi qed tifga."


Ritratt: Washington Post

Dwar l-vx, Dr Portelli jgħid li "dan ma jmurx mal-arja, jiġifieri jekk inti tħallih fuq biċċa karta fuq il-mejda u tiġi l-għada, dik il-karta wkoll tista' toqtlok." Jispjega li "dan huwa iktar speċjalizzat u ma tantx jintuża fil-gwerer." 

Jgħid li "dawn jintużaw biex joqtlu ħafna nies f'daqqa u lanqas għadhom riħa, jiġifieri lanqas tkun taf li tefgħuhielek il-bomba." Iżid jgħid li "kien użahom Sadam Hussain u anke fil-gwerra tal-Abyssinia fl-1935 u għalhekk il-Ġnus Magħquda kienet għamlet dawn ir-regoli." Dr Portelli jsostni li "aħna bħala pajjiż naħseb irridu nagħmlu protesta kontra l-użu ta' din il-kimika."

No comments:

Post a Comment