Thursday, 13 April 2017

BIL-FILMAT: Quiven ma jarax u għandu lezzjoni x'jagħtik

Ritratt: Quiven
Quiven għandu 3 snin. Ta' 4 xhur qabdu tumur f'għajnu.

Ma' Xarabank, omm Quiven kienet qaltilna li "l-vista dejjem qed tmur lura u iktar ma jgħaddu ġranet iktar qed niffejdjaw f'għajnejh." 

Mis-sena l-oħra 'l hawn lil Quiven sabulu tumur f'għajnu l-oħra. Missier Quiven spjega li "t-tabib kien qalilna li għandu aħbar ħażina għaliex il-kanċer kien infirex f'għajnu l-oħra u tana żewġ għażliet; jew li nitilfu lit-tifel jew inneħħulu għajnu l-oħra." 

Quiven jerġa' jitla' l-Ingilterra u jneħħulu għajnu l-oħra. Missieru jistqarr li "kont tlabt lit-tobba jekk nistax nagħtih għajnejja imma t-tobba qaluli le." 

Illum, iċ-ċkejken Quiven għama għal kollox.

Din is-sena erġajna tkellimna ma' omm u missier Quiven. Ommu tistqarr li "ma nimmaġinanix ngħix mingħajru u kuljum nirringrazzja lill-Mulej li bagħtu għandi." Tispjega li "meta jkun hemm id-dlam d-dar, inħares lejh u ngħid ħajtu hija hekk." Iżid tgħid li "n-nies isaqsuni: 'Imma xejn xejn ma jara?" u ngħidilhom li għajnejh naqlagħhomlu kuljum biex naħsluhom jiġifieri żgur ma jarax għax dawk plastik." Tispjega li "għalissa hu jaf li kulħadd għandu l-covers u meta jiġi jsaqsini jekk tiegħi qlajthomx, ngħidlu iva għax nixtieq li la jikber nfehmu li huwa biss għandu l-covers."

Din is-sitwazzjoni xorta tibqa' iebsa għal ommu. Tistqarr li "tgħidx kemm konna nħobbu narawh Tom and Jerry imma issa veru sar iqabbadni dwejjaq għax it-tifel la jista' jarah u lanqas jifhmu minħabba li ma jitkellmux." Omm Quiven għandha xewqa waħda "li jara lill-familja u lilu nnifsu."

Minkejja li Quiven ma jarax jagħtina eżempju ta' kif qatt ma għandna naqtgħu qalbna. Quiven mimli b'enerġija, jilgħab, jaf fejn irid qiegħed il-platt, liema huma ċ-ċwievet, fejn hu l-ħalib fil-friġġ, jaf liema hija l-kuċċarina tiegħu, isuq il-karozza u jmur saħansitra għand il-ġirien.

Quiven se jibqa' jitla' l-Ingilterra u għad għandu bżonn l-għajnuna tiegħek. Għada, f'Xarabank se nġibru għal Puttinu u bit-telefonata tiegħek, tista' tgħin lil Quiven u lil tfal oħra bħalu.

Ara l-filmat t'hawn taħt:


No comments:

Post a Comment