top bar

Friday, 7 April 2017

AĠĠORNATA BIL-FILMAT: Jitkellmu għall-ewwel darba oħt u missier il-ġuvni li nqatel fil-Ħamrun

Ritratt: Missier Brandon Pace

Illejla waqt Xarabank tkellmu għall-ewwel darba Donna u Silvio, li huma oħt u missier Brandon Pace, il-ġuvni ta' 21 sena li nqatel nhar il-Ħadd li għadda wara argument fil-Ħamrun.


Missier Brandon kien il-ħabs meta ġara l-inċident u jirrakkonta kif Donna ċemplitlu biex tgħidlu li kienu qatlu lil ibnu. Bid-dmugħ f'għajnejh qal li dak il-ħin ma setax jemmen dak li kien qiegħed jisma'.

Waqt l-intervista Silvio qal li għaxar minuti biss qabel ma nqatel ibnu kien għadu kif qed jitkellem miegħu fuq il-linja.

Silvio qal: “Ħaduli ħajti imma nixtieq ngħid ukoll li jiena żbaljajt kemm-il darba u ħafna min-nies li għamiltilhom il-ħsara ħafruli, u għalhekk minn hawnhekk nixtieq li pubblikament ngħid illi minn qalbi naħfer lin-nies li qatlu lil ibni.”

Temm jgħid: "la ġiet l-opportunità nixtieq nirringrazzja lill-uffiċjali u d-direttur tal-ħabs għax verament ħadu ħsieb u lis-sezzjoni tan-nisa kif ukoll lill-priġunieri l-oħra li għamlu ġabra biex xtraw il-fjuri għat-tifel."

Ritratt: Donna Pace

Fil-programm tkellmet ukoll Donna, li hija oħt Brandon. Brandon miet f'ħoġor Donna, u fil-programm, Donna rrakkontat x’ġara dakinhar u spjegat kif kumbinazzjoni kienet għaddejja mit-triq fejn joqgħod ħuha meta kienet qed isseħħ il-ġlieda. Waqfet u marret tara xi ġralu.

"Rajtu jilletika magħhom mill-gallarija u nżilt. Żammejtu, qbadtu minn qaddu u għedtlu: “Tiġġilidx” u wara li qala’ l-aħħar daqqa, żamm mal-ħajt, rikeb l-għatba, waqa’ fl-art, ġbartu, tfajtu fuq saqajja u għedtlu: “Brandon tħallinix waħdi” u ħa l-aħħar nifs u telaq.” Isostni li “ma nistax naċċetta l-fatt li miet f’idejja u nistennieh ikellimni u ma jkellimnix."


Ritratt ta' Mario Mintoff

Donna qalet li dawn huma mumenti diffiċli ħafna għall-familja u qalet li t-tifla tagħha, li l-għada tal-qtil kellha l-birthday, qaltilha: "Mummy ma rridx rigal tal-birthday, tixtrili xejn għax li ma narakx tibki jkun l-isbaħ rigal għalija."

Donna qalet li t-tifla tagħha twieldet tmien snin ilu, u dakinhar kienet id-Duluri. Tgħid: “Ħsibt li waħda mill-iktar affarijiet sbieħ li qatt ġratli hi li twieldet it-tifla fid-Duluri u li sirt omm, imma din is-sena kiefra wisq.” Tkompli tgħid: "Jum id-Duluri ta’ tmien snin ilu ma ninsiehx imma l-jum  id-Duluri ta’ tmien snin wara ma ninshiex lanqas.” 

Fil-programm Donna stqarret li temmen li min iġġieled, ma marx biex joqtol lil ħuha. Tistqarr li hi rrabjata għal min qatlu imma ttemm tgħid li maż-żmien għad tasal taħfer anke lil min qatel lil ħuha.


Ritratt ta' Mario Mintoff
Ara l-filmat hawn taħt:


No comments:

Post a Comment