Thursday, 13 April 2017

BIL-FILMAT: Isajru 200 figolla għal Puttinu

Ritratt: Roberta u Ramona
Xi ġimgħat ilu fuq Xarabank nedejna l-idea tar-Random Acts of Kindness. Aħna nsejħulu Ġest Żgħir ta' Malajr. L-idea hi li n-nies jagħmlu ġest żgħir tajjeb lil xi ħadd, ikun min ikun.

Il-ħbieb tagħna ta' Palazzo Preca ġiethom l-idea li jagħmlu xi ħaġa sabiħa għal-Puttinu. Sajru aktar minn 200 figolla, biegħuhom, u l-qligħ kollu se jagħtuh lil Puttinu.

Xarabank iltaqa' ma' Roberta u Ramona, żewġ koki magħrufa sew għall-ħiliet tagħhom fil-qasam tat-tisjir. Roberta tispjega li fil-kċina "għaddejja attività kontinwa u kulħadd għandu entużjażmu kbir biex inlestu mal-200 figolla."

Il-qligħ ta' dawn il-figolli se jmur għal Puttinu u wieħed jistaqsi għaliex għażlu lil Puttinu? Fil-fatt, jispjegaw li "Puttinu dejjem għen lin-nies u kulħadd jiġi bżonnu. Puttinu huwa familja ta' kulħadd li jgħaqqad lill-Maltin kollha. Hija organizzazzjoni li ma tkunx taf li ħa tiġi bżonnha imma meta tiġi bżonnha, il-ħsieb tiegħek jinbidel totalment differenti u ma jibqax ħsieb normali."



Imma min fejn ġiethom din l-idea? Roberta tgħid li "l-koki kienu qegħdin waqt xift u kien hemm xi ħadd li semma' u qal li issa li riesaq l-Għid huwa ċ-ċans biex niġu b'idea li nagħmlu xi ħaġa. Kelma ġġib lil oħra u minħabba l-furja fuq il-figolli, għedna mela għaliex ma nagħmlux maratona tal-figolli." Iżid tgħid li "llum hija l-unika ġurnata off li jkollhom u allura ftehmna lkoll flimkien biex fl-unika ġurnata off u nagħmlu din il-figolla."

Roberta tispjega ftit l-proċess tal-figolli u tgħid li "l-bażi hija l-għaġina tal-ħelu li hija magħmula minn taħlita ta' dqiq, zokkor u bajd. Wara mbagħad jiġi l-mili li jikkonsisti minn lewż pur, bajd u zokkor, u fl-aħħar nagħmlu l-ġelu fuq il-wiċċ u daqxejn ċikkulata biex inżejnuhom." Tgħid ukoll li "wara dan il-proċess, isir l-ippakkjar ħalli nagħmluhom iżjed attraenti."

Ramona u Roberta diġà qed jaħsbu għas-sena d-dieħla u tispjega li "sena wara sena dejjem tagħmel għall-aħjar u diġà qed naraw x'se nagħmlu għas-sena d-dieħla. Fil-fatt is-Sibt li ġej, fil-ħanut l-ieħor se jsiru xi klassijiet għat-tfal fejn se jagħmlu l-figolli u l-ġbir ukoll se jmur għal Puttinu."

Roberta ttemm tgħid: "Inħeġġu kumpaniji oħra biex joħorġu b'ideat bil-għan li jgħinu lil Puttinu lil nies oħra fil-bżonn."

Filmat u muntaġġ: Andrew Borg Carbott

No comments:

Post a Comment