Friday, 28 April 2017

BIL-FILMAT: "Bdejt inżomm rasi biex ma joħroġx iktar demm" - Xufier tal-linja


"Tani daqqa b'xi ħaġa iebsa ġo rasi u bdejt inżomm rasi biex ma joħroġx iktar demm."

Dan huwa l-kliem ta' Alistair Busuttil, ix-xufier li f'Ħadd il-Għid laqqat daqqa f'rasu. L-istorja bdiet nhar il-Ġimgħa l-Kbira, meta kien hemm raġel li tela' fuq tal-linja bil-biljett skadut. Jispjega li "għarraftu li l-biljett mhux tajjeb u beda jargumenta miegħi għaliex mhux l-ewwel darba li għamilha." Iżied jgħid li "jien għedtlu li qed itellifni l-ħin mir-rotta u lill-passiġġieri kull darba." 

Jgħid li wara li ħallas €5 għall-biljett, għajru u "qalli biex insuq għax inkissirlek dak il-qiegħ ta' flixkun li għandek." Jistqarr ukoll li "beda jheddidni u jiena għat-theddid waqaft hemmhekk. Ħriġt minn ġol-kabina u għarraftu li ħa nċempel il-Pulizija. Għedtlu li mhux ħa noqgħod għat-theddid u beda jgħidli li qed ngħaġġibha u mbagħad hu u sħabu niżlu minn ġot-trakk."


Minkejja li s-Sibt Alistair kien off waranofsinhar u mar jagħmel rapport l-għassa tal-Belt, l-istorja ma waqfitx hemmhekk. Jispjega li "l-Ħadd filgħodu erġajt dħalt għax-xogħol u filgħaxija kelli naħdem overtime." Jirrakkonta kif "dħalt ġol-layover area fejn ikun hemm it-trakkijiet jistennew u għedt issa ninżel nieħu xi ħaġa mingħand il-gabbana li mmur is-soltu." Jistqarr li "rajt din il-persuna hemm ma' sħabha u injoratha, u ma kellimthiex. Kif mort lura biex nirritorna fit-trakk, waddabli karta u jiena dawwart wiċċi u għedtlu: "Din lil min waddabtha?" u qalli, "Isma' toqgħodx taqbad miegħi" u offendini bil-mejtin."

Huwa u juri s-santa ta' missieru, Alistair jistqarr li ġimgħatejn ilu tilef lil missieru. Dak il-ħin li offendieh, Alistair jispjega li "jiena ridt immur navvinah għax kont irrabjat u mort." Huwa jirrakkonta eżatt il-mument li fih qala' d-daqqa u jgħid li "f'ħin bla waqt, ma nafx kif, dan bil-ħeffa tani daqqa b'xi ħaġa iebsa u bdejt inżomm rasi biex ma joħroġx iktar demm. Ridt niġri warajh biex inżommu imma laħaq ħarab." 

Alistair jurina l-qmis li kien liebes dakinhar tal-inċident u kif tixhed il-qmis stess, jispjega li "kont għasra minn wiċċi saż-żarbun bid-demm." Jgħid li "dak il-waqt ġiet kollega tiegħi, li hi xufiera wkoll, Cherly Gauci minħabba d-daqqa li qlajt u fi ftit minuti waslet l-ambulanza u l-Pulizija wkoll, u erġajt tajt il-verżjoni tiegħi ta' x'ġara u kif." 


"Naħfirlu...."
Isostni li "minħabba li dawn l-inċidenti qed isiru iktar spissi, nixtieq niġbed l-attenzjoni u nappella biex nirrispettaw lill-ħaddiema, xufiera fil-każ tiegħi u nies bl-uniformi li jaħdmu fit-triq." Minkejja dak kollu li għadda minnu, Alistair jistqarr li "din il-persuna diġà ħfirtilha bħala Nisrani. Korla iżjed m'għandix. Jekk nista' ngħinu, jiena qiegħed hemm.'

Alistair jirringrazzja lil dawk kollha li tawh l-assistenza fosthom l-istaff, lil sħabu, lill-kollegi, lill-management u l-amministrazzjoni tal-Malta Public Transport, u lis-Sur Joe Simiana li ċempillu mal-ewwel meta kien l-emerġenza.

Tista' tara l-intervista hawn taħt:

1 comment:

  1. Proset siehbi ezemplari hafna.Nahseb ma kontx nahsibha bhalhekk
    ghax meta nara id demm niferoccja iktar.
    Proset avolja ma nafekx

    ReplyDelete